Soppa tal-qarabagħli u ċ-ċiċri

    Ingredjenti:

    6 qarabagħliet

    150g ċiċri misjur

    2 basliet, imqattgħin dadi żgħar

    2 sinniet tewm imqattgħin

    dada tal-istokk

    kuċċarina trab tal-ġinġer

    kwart ta’ kuċċarina trab tal-kosbor

    niskata noċemuskata

    mgħarfa żejt taż-żebbuġa

    mgħarfa ħall tat-tuffieħ organiku

    melħ u bżar

    60g lewż imqatta’ jew pine nuts sħaħ

    Metodu:

    Biex issajjar iċ-ċiċri, aħslu u ħallih jixxarrab għal lejl. Sajru billi tpoġġih ġo borma bl-ilma u ġġibu jagħli. Jekk tixtieq tqassar il-ħin tas-sajran, żid kwart ta’ kuċċarina bikarbonat meta jibda jagħli. Kif ikun irtab biżżejjed, neħħih minn fuq in-nar u laħalħu. Tista’ wkoll tuża ċiċri tal-bott.

    Aqli basla ġo borma f'mgħarfa żejt taż-żebbuġa fuq nar baxx sakemm tiġi kkaramelizzata ħafif imma tħallihiex tismar ħafna. Poġġiha fuq sarvetta tal-karti u ħalliha biex tużaha fl-aħħar għat-tiżjin tal-wiċċ.

    Fl-istess borma żid il-ġinġer, trab tal-kożbor u noċemuskata u ħawwad, dejjem fuq nar baxx. Żid il-qarabagħli mqatta’ biċċiet, nofs iċ-ċiċri, id-dada tal-istokk, il-ħall tat-tuffieħ, it-tewm u l-basla l-oħra. Ħawwad u għarraq il-kontenut tal-borma fl-ilma. Għolli n-nar u ġib l-ilma jagħli. Baxxi n-nar u ħalli l-borma ttektek għal 35 minuta sakemm isir il-ħaxix. 

    Neħħi minn fuq in-nar u ħalli s-soppa tiksaħ. Żid il-bqija taċ-ċiċri qabel ma titħanha. Duq is-soppa biex tara jekk hix imħawra biżżejjed għall-palat tiegħek u żid il-melħ u l-bżar għall-gosti tiegħek. Jekk tixtieq tevita l-melħ, ħawwar is-soppa bi ftit ħwawar nixfin tal-gosti tiegħek.

    Servi fi skutelli u fil-wiċċ ferrex taħlita ta' basal moqli u lewż jew pine nuts.

    Din is-soppa hija bla glutina u adattata għal dawk li jsegwu dieta bla prodotti tal-ħalib (gluten free u lactose free).

    Din ir-riċetta ta' Lea Hogg ixxandret fil-programm Lifestyle & Co fuq TVM2. Ara wkoll www.goodfoodeveryday.wordpress.com