L-aħħar preparamenti biex għada l-Isptar Boffa jilqa' aktar pazjenti

    Għal ħafna snin, l-Isptar Sir Paul Boffa kien sinonimu mal-kura tal-kanċer f’pajjiżna. Rwol li tteħidlu hekk kif kien lest u beda jopera l-Isptar Sir Anthony Mamo, sptar speċjalizzat fl-istess kumpless tal-Isptar Mater Dei li jispeċjalizza fl-onkoloġija.

    Illum, iżda fl-Isptar Boffa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex minn għada jibdew jaslu għoxrin pazjent li qegħdin jingħataw kura fit-tul.

    Hekk kif telqu l-pazjenti u l-staff tal-onkoloġija mill-Isptar Boffa, bdew il-preparamenti u x-xogħol biex ċerti swali jiġu rranġati ħalli jospitaw fihom pazjenti li qegħdin jieħdu kura fit-tul.

    “Il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod f’Mater Dei hija problema li ilna niffaċċjaw sa mill-bidu tal-ftuħ ta’ Mater Dei. Fil-futur qrib se jkollna l-użu mill-ġdid tal-isptarijiet San Luqa u Karin Grech, iżda l-problema ridna nsolvuha issa,” qal is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, meta mitlub jikkumenta dwar l-użu tal-Isptar Boffa.

     Fearne fakkar li lejn l-aħħar  tas-sena li għaddiet fl-Isptar Mater Dei infetħu żewġ swali ġodda f’binja li tinsab biswit l-Emerġenza, kif ukoll din is-sena sar rinovar f’sala ġdida f’Mater Dei.

    “F’Diċembru tas-sena li għaddiet ġiet rinovata sala fl-Isptar Boffa, sala li tesa' 31 sodda. Il-ħidma baqgħet għaddejja u issa tlestiet biex minn għada tilqa' l-pazjenti fiha sala oħra li se jkollha 21 sodda. B’hekk se jkollna 52 pazjent li se jkunu qegħdin jingħataw kura fl-isptar Boffa,” qal Fearne.

    Fl-Isptar Boffa, li preżentament jospita wkoll id-Dipartiment tad-Dermatoloġija, sar ukoll tisbiħ fil-partijiet komuni u fil-ġonna li jdawruh.