Nefqa ta' kważi '2 miljun fuq ambaxxata li damet miftuħa ħames snin

    Bejn spejjeż rikorrenti u kapitali, intefqu kważi €2 miljun fuq l-ambaxxata Maltija fi Stokkolma, li damet miftuħa biss ħames snin u nofs.

    Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella, qal fil-Parlament li din l-ambaxxata “infetħet fl-14 ta’ Frar 2000 u ngħalqet f’Settembru tal-2005, wara biss ħames snin u nofs. Dan juri l-ippjanar li kien isir biex jinfetħu ambaxxati Maltin!”

    Għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Silvio Schembri, il-Ministru Vella spjega kif bejn is-sena 2000 u s-sena 2005, l-ispejjeż rikorrenti kienu jammontaw għal total ta' €1,611, 980, filwaqt li fis-snin 1999 u 2000 saret nefqa kapitali ta' €272,888. L-ispiża kapitali kienet tinkludi x-xiri ta’ karozza għall-prezz ta’ €55,458.

    L-Ambaxxaturi kienu s-Sur Eric Gerada Azzopardi u s-Sur Alfred Falzon, li nħatru minn barra s-servizz diplomatiku. Il-ħlas li rċivew l-Ambaxxaturi kien kif ġej: Is-Sur Eric Gerada Azzopardi rċieva €14,357 fl-1999; €46,989 fl-2000; €46,989 fl-2001; u €35,206 fl-2002. Is-Sur Alfred Falzon irċieva €24,240 fl-2002; €54,087 fl-2003; €54,087 fl-2004; u €36,070 fl-2005.