Għaġina shortcrust perfetta

     

    Ingredjenti:

    250g dqiq plain

    niskata melħ

    120g butir (oħorġu mill-friġġ siegħa qabel ma tużah)

    ilma kiesaħ

    Metodu:

    Ibda billi tgħarbel id-dqiq ġo skutella kbira. Agħmel dan il-proċess darbtejn ħalli l-għaġina tiġi ħafifa. Żid il-melħ.

    Żid il-butir, imqatta' biċċiet. Ħawwad il-butir ħafif b'idejk ħalli jinkesa kollu bid-dqiq.

    Uża l-ponot ta' subgħajk biex tħaddem il-butir ġod-dqiq. Aħdem b'mod ħafif billi taqbad ftit dqiq kull darba b'subgħajk, mhux ħafna. Dan jisejjaħ rubbing-in method.  Meta t-taħlita tkun ta' konsistenza qisha frak tal-ħobż, ieqaf.

    Uża mgħarfa biex iżżid l-ilma naqra naqra, mgħarfa kull darba. B'sikkina ħawwad l-għaġina. Ipprova ġib l-għaġina flimkien billi tuża jdejk. Kif tara li għaqdet, tibqax iżżid l-ilma.  

    Poġġi l-għaġina ġol-cling film u erfagħha fil-friġġ għal siegħa biex tistrieħ.

    Meta tiġi biex tiftaħ l-għaġina, ferrex ftit dqiq fuq wiċċ nadif. Ferrex ftit dqiq fuq il-lembuba u ibda rembel l-għaġina bil-mod minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq, mhux laġenba. Jekk hemm bżonn erġa' iksi l-lembuba bi ftit dqiq. 

    Dawwar l-għaġina sakemm tiġi l-forma li għandek bżonn u biex iġġibha d-daqs li trid.  

    Jekk għandek ċans,ħalli l-għaġina tistrieħ għal 5 sa 10 minuti qabel ma taħdem biha.

    Din ir-riċetta ta' Lea Hogg ixxandret fil-programm Lifestyle & Co fuq TVM2. Ara wkoll www.goodfoodeveryday.wordpress.com