Birkirkara jippreżentaw lill-akkwisti l-ġodda

    Birkirkara F.C. ippreżentaw l-akkwisti l-ġodda waqt konferena stampa li saret ilbieraħ, f’Royal Malta Yacht Club, Ta’ Xbiex.

    Il-President ta’ Birkirkara F.C., Adrian Delia, qal li din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-club, li ‘l fuq minn 1,300 partitarju ssieħbu bħala membri. Huwa rringrazzja l-ħidma tal-kumitat għas-sigħat twal li jaħdmu mingħajr ħlas, lis-sotto ku­mitat tas-supporters għall- enerġija li jagħtu lill-club. Huwa faħħar wkoll lil ex president Joe Zammit li l-ħidma tiegħu fis-skiet hija mprezzabbli.

    Fl-aħħar u mhux l-inqas, Dr. Delia rringrazzja lill-is­ponsors li qed jissaportjaw lill-club fosthom lil McDonalds li ilhom assoċjati ma’ Birkirkara għal dawn l-aħħar 19-il sena, Eurosport li ġeddew l-sponsor tal-kit, Middlesea Life, Powerade, Remedy Swiss u Meat Point, fejn tenna li mingħajr l-għajnuna finanzjarja tagħhom, il-club jista’ jieqaf.

    Dr. Delia tenna li matul dan is-sajf kienu xahrejn ta’ ħidma kontinwa fejn inħatar coach ġdid Giovanni Te­desco u staff tekniku biex jassistih, l-akkwisti ta’ di­versi players ġodda, xiri ta’ proprjetá viċin il-club l-antik bil-ħsieb li din tinbidel bħala akkomodazzjoni għall-play-ers, kampanja ta’ sħubija li mhux biss tħalli impatt fi­nanzjarju iżda wkoll hija sostenn morali għall-club.

    Il-president Delia semma’ l-ewwel rebħa storika barra minn xtutna għall-club fil-kompetizzjoni UEFA Europa League u l-ambizzjoni hi li s-sena li ġejja l-club jmur aħjar minn hekk. Huwa rringrazzja lic-chairman tal-akkademja li tibqa’ mpor­tanti fil-club, u li fiha ser ikun hemm investiment qawwi fis-snin li ġejjin.

    Il-viċi president, Matthew Calascione, tenna li wieħed mill-għanijiet tal-club kien li jestendi l-kuntratti tal-play­ers diġá mal-club fosthom tal-captain Paul Fenech, Ryan Camenzuli, Joseph Zerafa, Nikola Vukanac, Ro­wen Muscat u Justin Haber.

    Il-kumitat kien attiv bl-akkwisti ta’ players ġodda - l-attakkant Taljan Fabrizio Miccoli, Vito Plut u Emerson Marcelina (Floriana),, ir-ri­torn ta’ Frank Temile (Naxxar L.), u l-Ispanjol Juan Que­ro Barraso. Is-Sur Calascione enfasizza li club akkwista s-servizzi ta’ tliet players żgħażagħ - id-difensur inter­nazzjonali U/21 Cain Attard (Pietá H.),, il-goalkeeper U/19 Philip Schranz (Melita), u l-attakkant Matthew De­sira Buttigieg li ġie misluf lil St. Andrews.

    Il-coach Giovanni Tedesco qal li għalkemm mhux faċli li wieħed jitkellem wara t-telfa kontra Valletta, iżda tenna li bil-ħidma mal-players, l-as­pirazzjoni hi li jagħmlu af­farijiet kbar flimkien.

    “Għandi f’idejja team u players importanti. Bdejna tajjeb ħafna fl-UEFA Europa League, żlaqna fis-Super Cup mal-Hibernians li bil­fors ħolqot xi ftit ta’ nċertezza fit-team. Grat ħafna li għandi din l-opportunitá li nik-kowċja lil Birkirkara u nis­pera li nirreċiproka din il-fiduċja bir-riżultati fl-aħħar tal-kampjonat”

    Il-president Delia tenna li “tibda l-kampjonat b’dan il-mod hu stramb ħafna, b’wirjiet ta’ saħħa mat-timi­jiet barranin ferm aktar ikkwotati minnha fl-UEFA Europa League u wirjiet medjokri mat-timijiet loka­li.“

    Il-coach Tedesco qal li jara liċ-champions Hibernians bħala favoriti, segwiti minn erba’ timijiet oħra fosthom Balzan, Floriana, Valletta u Birkirkara fuq l-istess livell. Hu sostna li din is-sena l-livell fil-kampjonat Malti tjieb bl-influss ta’ aktar play­ers barranin u ma fadalx timijiet batuti li wieħed jista’ jirbħilhom faċilment. Te­desco sostna li flimkien mal-players qed jaħdmu bis-sħiħ biex fl-aħħar ta’ Mejju jkollhom riżultati pożittivi.

    Rigward it-telfa kontra Valletta, il-coach Tedesco kkummenta li l-avversarji niżlu biex ma jitilfux u bdew jiddefendu b’ħames difen­suri.

    “Kienet logħba bilanċjata, li ġiet deciża minn episodji li għamlu d-differenza. Val­letta kull ma taw kienu żewġ xuttijiet, li ssarfu f’goals f’logħba sħiħa. Daħħalt lil Juan Quero Barraso fit-tieni taqsima biex nirbaħ il-logħba. Tlifna kontra team li s-sostitut rebbaħ il-partita.”

    Tedesco żied li hemm players eżistenti fl-iskwadra Karkariża li jistgħu jagħtu profonditá lit-team u hemm bżonn li l-players jitħarrġu aktar f’dan l-aspett.

    “Irrid nibdel il-mentalitá fit-team b’mentalitá rebbieħa, fejn telfa qatt ma tkun aċċettata.” qal Tedesco.

    Dwar l-attakkant mill-Bosnija Edin Murga, Tedesco tenna li dan il-player jeħtieġlu jikseb l-esperjenza neċessajra u d-dixxiplina tattika ma’ team fejn jilgħab regolarment, biex jiżviluppa u jimmatura fil-logħba.Minkejja li hu player validu kien ikun ferm diffiċli għalih li jsib spazju dan l-istaġun meta hemm players bħal Miccoli, Costa Morais u Plut fuq quddiem. Edin Murga ġie misluf lil Mosta.