Moody's titfa' dubju fuq l-għajnuna lill-Italja

    L-Aġenzija ta' Kreditu Moody's qalet li l-iskemi ta' fondi ta' emerġenża mwaqqfa dan l-aħħar mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom limitu ta' kemm jistgħu jwaqqfu l-problemi finanzjarji tal-Italja.

    Minħabba d-daqs tal-ekonomija Taljana u d-daqs tad-dejn ta' dan il-pajjiż, dawn l-għajnuniet jistgħu ma jkunux biżżejjed. Moody's avżat ukoll li s-sistema bankarja Spanjola mistennija tesperjenza aktar telf minn dak li wieħed qiegħed jistenna.

    Moody's naqset ir-rating tal-Italja għall-Baa2 minn A3 u wissiet li l-pajjiż jista' jara żieda fl-ispejjeż ta' self. Moody's qalet fi stqarrija li l-Italja tista' tesperjenza żieda drastika fl-ispiża ta' fondi jew ikollha telf mill-aċċess għas-suq u jkun aktar diffiċli għall-Italja biex tissellef flus għall-baġit tagħha.

    Ftit ġimgħat ilu l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, qablu li jwaqfu żewġ sistemi ta' fondi għall-emerġenza, il-European Financial Stability Facility (EFSF), u l-European Stability Mechanism (ESM), biex jgħinu lill-pajjiżi li jkollhom problema ta' dejn.