Opportunità li tqatta' lejl fil-Palazz tal-Inkwiżitur

    F’Novembru li ġej Heritage Malta se toganizza żewġ attivitajjiet minsuġin madwar il-festa tal-Erwieħ Kollha.

    L-ewwel attività hija dik li qed tissejjaħ “L-Għid tal-Erwieħ” li ser issir fil-31 ta' Ottubru fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Dawk li ser jipparteċipaw se jesperjenzaw l-ikla kommemorattiva li kienet tikkonsisti f’kawlata (soppa tal-ħxejjex bil-majjal),, majjal il-forn u l-ħelu tradizzjonali magħrufa bħala "l-għadam tal-mejtin" (ħelu magħmul mil-lewż f’forma ta’ għadma),.

    Dan se jkun segwit minn dawra speċjalizzata mal-wirja tal-Inkwiżizzjoni Rumana f’Malta b’attenzjoni speċjali lejn każijiet tal-inkwiżizzjoni u dawk ta’ xeħta sopranaturali u dehriet. Min jixtieq jista’ wkoll iqatta’ l-lejl f’waħda miċ-ċellel jew f’post suġġestiv ieħor fil-palazz (it-tagħmir għall-irqad għandu jiġi pprovdut mill-parteċipanti),. Il-prezz għal din l-attività huwa ta’ €35.

    It-tieni attività, “Dark Tales of Birgu” ser issir fit-8 ta’ Novembru. It-toroq tal-Birgu huma miżgħuda mhux biss bl-istorja iżda tul is-snin kienu is-sit ta’ diversi misteri u rakkonti oskuri minn omiċidji, li jmorru lura sa żmien il-kavallieri, u dehriet soppranaturali. Dawk li jagħżlu li jattendu se jduru dawra ma’ dawn it-toroq f’ġita animata ta’ dawn ir-rakkonti b’garanzija li jqajmulek ġismek xewk xewk.

    Wara l-ġita, il-parteċipanti se jmorru l-Palazz tal-Inkwizitur fejn se jkunu jistgħu jitrejqu u jbillu griżmejhom qabel ġita animata oħra, din id-darba tal-palazz. Is-serata tiġi fi tmiemha permezz ta’ preview speċjali ta’ episodju tal-programm popolari L-Oskur wara ghost hunt li ser issir ftit tal-jiem qabel fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Il-prezz għal din l-attivitża speċjali huwa ta’ €20 filwaqt li studenti, anzjani u membri ta’ Heritage Malta iħallsu €18.

    Iż-żewġ attivitajiet huma għal-adulti biss u l-biljetti jistgħu jinkisbu mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta kif ukoll online minn HYPERLINK "http://www.heritagemalta.org" www.heritagemalta.org. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 23954242 jew isegwi l-paġni uffiċjali ta’ Heritage Malta fuq Facebook.