Anzjan fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza

    Anzjan ta’ 80 sena jinsab fil-periklu tal-mewt kawża ta’ ġrieħi gravi li sofra meta tard nhar it-Tnejn intlaqat minn karozza meta kien qed jaqsam it-triq.

    L-aċċident seħħ għall-ħabta tal-10.20 p.m. fi Triq il-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Dak il-ħin l-anzjan kien qed jaqsam it-triq meta ntlaqat minn karozza BMW misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Ħal Għaxaq.

    Fuq il-post issejħet ambulanza b’infermiera li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei fejn għall-ewwel kien iċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi iżda aktar tard matul illejl qaleb għall-agħar u ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fil-periklu tal-mewt.

    B’dan l-aċċident kien informat il-Maġistrat tal-Għassa Antonio Mizzi li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri.