Imfakkar il-100 sena mill-eżilju ta' Manwel Dimech

    "Dak li ħolom u l-viżjoni tal-patrijott Malti Manwel Diemch, illum qed ingawduhom bħala poplu bl-Indipendenza u l-Ħelsien tagħna". Dan sostnietu l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, hekk kif tfakkar l-anniversarju tal-100 sena mill-bidu tal-eżilju ta' Manwel Dimech. L-avveniment tfakkar mis-Sensiela Kotba Soċjalisti b'attività kommemorattiva u bi ktieb ġdid intitolat 'Dimech Poeta".

    L-attività saret fl-istess ħin li mitt sena ilu, hu ttieħed mill-klistanija għax-xatt tal-belt. Bħal ma ġara mitt sena ilu, fl-attività intużaw ukoll il-barklora, fejn minn fuq id-dgħajsa, il-President tar-Repubblika tefgħet kuruna ta' fjuri fil-baħar.

    Għalkemm Dimech kien inġab mill-klistanija b'segretezza kbira tant li lanqas martu Virġinja ma kienet taf li se jkun eżiljat, bl-attività dawk preżenti urew solidarjetà mhux biss ma' Dimech ittradut u eżiljat iżda ukoll ma kull min fid-dinja ġralu jew qiegħed jiġrilu l-istess.

    Il-ktieb li tnieda fih poeżiji li Dimech xandarhom fid-diversi pubblikazzjonijiet tiegħu jew ta' ħaddiehor. Biss hemm xi wħud li ma ġewx pubblikati. Xi wħud kitibhom għall-iżvog personali tiegħu u biex jesprimi x'kien għaddej minn qalbu.

    Fix-xatt tal-belt inkixfet ukoll plakka kommemorattiva, li tfakkar il-mitt sena minn dan l-avveniment.