Kompetizzjoni tal-inbid għad-dilettanti

    Kompetizzjoni tal-inbid, miftuħa għad-dilettanti kollha tat-tagħsir tal-inbid minn madwar Malta, ser issir fil-5 ta’ Settembru waqt il-Qormi Wine Festival. Ir-riżultati jitħabbru dakinhar stess.

    Preżenti se jkun hemm tim ta’ ġurija professjonali li se jevalwaw l-inbejjed li jidħlu għall-kompetizzjoni, skont iċ-ċarezza, il-kulur, il-fwieha, u l-palat (togħma), u jippremjaw ir-rebbieħa tat-taqsimiet differenti.

    It-taqsimiet huma sitta - l-aħjar inbid abjad dry (Kategorija A),, l-aħjar inbid aħmar dry (Kategorija B),, l-aħjar inbid rosé dry (Kategorija Ċ),, l-aħjar inbid magħmul mill-frott (eskluż l-għeneb), (Kategorija D),, u l-aħjar inbid magħmul f’Ħal Qormi li jaqa’ taħt Kategorija A jew B.

    Il-formuli tal-applikazzjoni għal dawk li jixtiequ jdaħħlu l-inbid tagħhom għal din il-kompetizzjoni għandhom jimtlew mill-iktar fis possibbli u jinkisbu mingħand Peter Farrugia fuq in-numri tat-telefon 21677331 jew 7967 7331, inkella mingħand il-kumitat organizzativ fi Triq il-Blata, Ħal Qormi stess.

    Il-Qormi Wine Festival hu organizzat mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali kif ukoll il-Kunsill Lokali Qormi.