Aġġornat: Kburin bikom!!

    Sakemm ma tirbaħx jew imqar tikseb punt bilfors tkun xi ftit diżappuntat. Wara kollox wieħed kemm se jdum jikkuntenta b’telfiet minimi. Iżda, bħala Maltin ma nistgħux ma nkunux kuntenti bil-wirja tat-tim tagħna llejla.

    Kontra l-qawwa tal-Italja ħarġuna bl-unuri. Kontra t-tim li tela’ sal-finali tal-Kampjonati Ewropej - ftit tax-xhur ilu - urew logħob organizzat u ftit kienu l-ħinijiet fejn dehret daqstant id-differenza bejn tim li huwa fost dawk bl-ogħla ranking fil-futbol mondjali, u dak tagħna, li qiegħed fost tal-aħħar. Taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin il-plejers tagħna qamu għall-okkażżjoni u ġabu fix-xejn il-pretensjonijiet tat-Taljani li l-uniku dubju li kellhom kien b’kemm se jirbħulna. Rebħulna tnejn b’xejn u bi tbatija. M’għandniex dubju li dan ir-riżultat jagħmel iktar ġieħ lilna milli lilhom.

    Gowl kmieni

    It-Taljani ħarġu għall-gowl kmieni u dan wasal fil-hames minuta meta ballun fit-tul tal-Juventin Claudio Marchisio sab lil MATTIA DESTRO li f’pożizzjoni dubjuża ta’ offside avvanza, qabel għeleb lil Hogg b’xutt ċentrali.

    Fil-ħdax-il minuta kien l-istess gowlkiper Malti li b’save stupend dawwar f’korner frikik minn fuq il-lemin ta’ Alessandro Diamanti. Mal-ħin, bi żvantaġġ ta’ gowl il-plejers Maltin bdew jagħmlu kuraġġ u anke bdew idawwru l-ballun tajjeb. F’ċans rari, man-nofs siegħa logħob Michael Mifsud ħasad lil kull min kien fi Stadio Braglia b’konklużjoni minn nofs il-grawnd li qabdet lil gowlkiper Buffon barra minn postu, bil-ballun jgħaddi ftit għoli.

    Fit-33 minuta erġajna konna perikolużi b’xutt insidjuż ta’ Roderick Briffa li Buffon fil-lasti Taljani dawwar f’korner b’diffikulta.

    Fit-tieni taqsima t-Taljani ħarġu għal iktar gowls tant li minn sistema ta’ 4-3-1-2, qalbu għal dik ta’ 4-3-3 wara li ż-żagħżugħ Lorenzo Insigne ħa post Alessandro Diamanti. Huma marru viċin fis-57 minuta b’pass meqjus ta’ Pirlo li żmarka lil Nocerino, li min-naħa tiegħu kompla lejn Destro. Iżda, Hogg kien attent u antiċipa fuq l-attakant ta’ Roma.

    It-Taljani baqgħu superjuri u ż-żagħżugħ ta’ Napoli Insigne beda jagħmel ħsara kbira fuq ix-xellug. Peró mhux dejjem beda jsib plejers sħabu f’pożizzjoni ideali biex jikkonkludu fix-xibka. Finalment huma ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta, f’mument rari ta’ nuqqas ta’ konċentrazzjoni mill-plejers Maltin. Kien FEDERICO PELUSO li b’daqqa ta’ ras tefa fix-xibka wara korner ta’ Andrea Pirlo.

    Italja: Gianluigi Buffon, Federico Peluso, Mattia Cassani, Andrea Barzagli, Leonardo Bonucci, Alessandro Diamanti (Lorenzo Insigne 46),, Claudio Marchisio, Antonio Nocerino, Andrea Pirlo, Mattia Destro (Sebastian Giovinco 83),, Pablo Osvaldo (Giampaolo Pazzini 69),

    Malta: Andrew Hogg, Alex Muscat (Ryan Camilleri 86),, Edward Herrera, Gareth Sciberras, Andrei Agius, Luke Dimech, Daniel Bogdanovic (Andrew Cohen 69),, Roderick Briffa, Michael Mifsud, Andrè Schembri, Steve Borg

    Referi: Antti Munukka (Fillandja),

    Assistenti referi: Matti Heininen, Jan Peter Aravirta (Fillandja),

    Raba' uffiċjal: Dennis Antamo (Fillandja),

    Sofor: A.Muscat, A.Schembri, A.Cohen, A.Hogg (MLT), ammoniti.