"Allaħares tispiċċa l-iskema ta' għotjiet tal-ikel mill-UE" - Fr. Saviour Grima

    Id-direttur tal-Millenium Chapel, Fr Saviour Grima, qal li jekk tispiċċa l-iskema ta' għajnuna bl-ikel mill-Unjoni Ewropea ħafna familji jintlaqtu ħażin. Dan kien irrapportat mill-ġurnal l-orizzont tal-lum it-Tlieta 10 ta’ Lulju.

    Skont Grima hemm madwar 20,000 familja li qed jibbenefikaw minn dan, b'għotjiet li f'valur ta' flus jiswew madwar €15 għal kull familja. Jirriżulta li hemm ukoll għadd ta' istituzzjonijiet tal-karità u istituti li jibbenefikaw.

    Fl-aħħar xhur diversi pajjiżi Ewropej esprimew xettiċiżmu għal din l-iskema. Iżda, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li testendiha għas-sentejn li ġejjin, għalkemm jeżistu dubji dwar kemm l-iskema se titkompla wara s-sena 2013.

    B’din l-iskema jibbenefikaw madwar 18-il miljun persuna minn 20 stat membru. Għas-sentejn li ġejjin l-Unjoni Ewropea se tkun qed toħroġ €500 miljun fis-sena biex tixtri ikel li jkun imqassam lil dawk fil-bżonn.