Ipprova jaħrab miċ-ċentru ta’ detenzjoni u ġietu ħażin

    Fit-tlieta tal-Ħadd waranofsinhar immigrant miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal-Far sofra xi ġriehi ħfif. Il-każ seħħ wara li l-immigrant, mill-Guinea, rabat liżar mal-ħadid tat-tieqa u tefgħu għall-bitħa. Hu ħareġ fil-bitħa b’mod normali biex imbagħad ixabbat mal-liżar. Dan biex ikun jista’ jitla fuq il-bejt u jaħrab. Xi ħaġa li ma setax jagħmel mit-tieqa tal-kamra fejn jgħix hekk kif din hija mbarrata bil-ħadid.

    Hu u tiela mal-liżar tilef il-bilanċ, waqa’ madwar sular u ġie għal wiċċu. Fuq il-post marret ambulanza, li ħaditu għall-isptar Mater Dei.

    Qiegħda tmexxi l-investigazzjoni dwar il-każ l-ispettur Priscilla Caruana filwaqt li l-Maġistrat Neville Camilleri ordna inkjesta u ħatar bħala espert lit-tabib forensiku Mario Scerri, flimkien ma’ uffiċjali tax-xena tar-reat.