Imkissra oqbra ta' suldati Ġermaniżi fi Franza

    L-oqbra ta' 40 suldat Ġermaniż, li mietu waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija kienu vvandalizzati. Dawn l-oqbra jinsabu f'ċimiterju militari fi Franza.

    Slaleb tal-injam tniżżlu miċ-ċimiterju ta' Saint-Etienne-a-Arnes, u wħud minnhom ntużaw biex titqabbad ħuġieġa. Dan il-każ seħħ ftit wara li l-mexxejja ta' Franza u Ġermanja ltaqgħu biex jimmarkaw il-50 anniversarju mir-rikonċiljazzjoni tagħhom wara l-gwerer.

    Il-president Franċiż, Francois Hollande u l-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel attendew għaċ-ċerimonja prinċipali fil-belt ta' Reims.

    Is-suldati Ġermaniżi li kien imkasbar il-qabar tagħhom kellhom bejn l-14 u t-18-il sena. Infetħet minnufih inkjesta, biex tistabilixxi min għamel dan l-att. Jidher li ma kien hemm l-ebda messaġġ politiku wara dan l-attakk.