Illejla l-finali tant mistennija ta' Liquorish

    Illejla fit-20.35 fuq ONE se tixxandar il-finali tal-programm popolari Liquorish. F'kummenti li tat lil inewsmalta.com, Andrea Cassar il-preżentatriċi ta' dan il-programm qalet li bħal kull edizzjoni kemm hi kif ukoll it-tim kollu jħossuhom kuntenti li kollox mar b'wiċċ il-ġid u fl-istess ħin iddispjaċuti għax ikun wasal fi tmiemu.

    Liquorish huwa l-aktar programm Malti li għandu 'likes' fuq Facebook. Ta' kull ġimgħa bdew jidħlu fuq paġna ta' Liquorish, biex jikkumentaw jew ikunu jafu l-aħħar aħbarijiet, mas-60,000 ruħ.

    Andrea tgħid li din is-sena Liquorish serva wkoll biex destinazzjoni mhux 'il bogħod minn Malta bħal Marokk, issir aktar magħrufa f'pajjiżna. Fuq il-Marokk, Andrea tgħid li huwa pajjiż li joffri diversità inkredibbli. Fil-fatt, il-parteċipanti ta' dan il-programm esperjenzaw estremitajiet bħal kesħa tal-muntanji u s-sħana tad-deżert.

    Mistoqsija minn inewsmalta.com jekk Liquorish huwiex programm spontanju jew bi 'script', Andrea qalet li l-kunċett tal-programm hu li jiġi ffilmjat dak kollu li jsir mill-parteċipanti waqt l-avventura. Tgħid li l-avventura hija kollha organizzata, però r-reazzjoni u l-atteġjament tal-parteċipanti huwa kollu spontanju.

    Din is-sena għall-ewwel darba, Liquorish beda jixxandar fuq ONE. Andrea qalet li t-tim ta' Liquorish u t-tim ta' ONE ħadmu bħala tim wieħed biex itellgħu l-akbar edizzjoni ta' Liquorish li qatt saret.

    Cassar temmet tfakkar li Liquorish ifakkar li min irid ikun parti minn din l-avventura, bħalissa fetħu l-applikazzjonijiet. Dawn jistgħu jitniżżlu minn fuq il-websajt www.liquorish.tv.

    Intant, min taħseb li se jirbaħ Liquorish ta' din is-sena?

    Għid x'taħseb billi tagħfas il-buttuna ikkummenta.