Tinfirex il-kolera f'Kuba

    Pazjent miet bil-kolera fil-kapitali Kubana, Havana. Dan wara biss ftit ġranet li tliet persuni mietu b'din il-marda fil-belt ta' Manzanillo, fix-xlokk tal-pajjiż.

    Jidher li hemm 50 persuna infettati u madwar 1,000 persuna qegħdin jirċievu attenzjoni medika. L-awtoritajiet qalu li din l-epidemija qed tinżamm taħt kontroll. Fil-pajjiż hemm erba' sptarijiet lesti biex fihom jiżolaw il-pazjenti jekk ikun hemm bżonn.

    Jidher li l-epidemija nfirxet wara li nxtorob ilma minn bjar ikkontaminati. Imma għadu mhux magħruf x'inhuwa s-sors tal-kolera.

    Uffiċjali tas-saħħa qalu li l-pajjiż għandu r-riżorsi kollha biex jipprovdi l-attenzjoni xierqa lill-pazjenti. Huma qalu li ħadu numru ta' miżuri, fosthom kampjuni ta' ilma u żiedu miegħu l-klorin biex jippruvaw jikkontrollaw l-epidemija.

    L-aħħar darba li kienet faqqgħet il-kolera f'Kuba, kien ftit wara r-Rivoluzzjoni tal-1959.