Iġġorr tumur f’żaqqha sakemm għalqet sninha

    Kirurgi fl-Istati Uniti neħħew tumur li jiżen aktar minn 23 kilo minn mara li damet ma marret tieħu l-kura biex tistenna li tkun eleġibbli għall-assigurazzjoni tas-saħħa. Fl-Amerka kull persuna li tagħlaq il-65 sena tingħata assigurazzjoni tas-saħħa b'xejn, taħt l-iskema Medicare.

    Il-pazjenta ħasset xi ħaġa ddejjaqha fl-istonku bejn sitta u tmien ġimgħat qabel għeluq sninha. Fl-4 ta’ Ġunju, ftit jiem wara għeluq sninha, hi marret titlob l-għajnuna medika.

    It-tabib David Dupree miċ-Ċentru Mediku ta’ Riverview f’Red Bank, New Jersey kien il-kirurgu li mexxa l-operazzjoni biex jitneħħa t-tumur. Hu qal li l-mara kienet irqiqa imma kellha żaqqha kbira. Kienet tidher qisha mara tqila b’xi ‘triplets’.

    Meta marret biex jgħinuha, il-mara kellha saqajha minfuħin bid-demm li nġabrilha u t-tumur kien qed jagħfas fuq vina prinċipali li twassal id-demm lura lejn il-qalb. B’konsegwenza ta’ dan, ħajjitha kienet tinsab fil-periklu.

    Peress li kienet tinsab fi stat mediku batut, il-mara kellha tiġi operata aktar tard ħalli l-ewwel tingħata l-likwidi li kienet tilfet u sakemm il-pressjoni tiġi kkontrollata.

    Meta t-tim mediku beda jopera lill-mara sab li t-tumur kien kiber tant li darilha mal-istonku u l-organi tal-madwar. Ma kienx hemm għażla oħra ħlief li t-tobba jqattgħu dan it-tumur biċċa biċċa f’operazzjoni li damet għaddejja mal-ħames sigħat.

    L-operazzjoni rnexxiet iżda, il-pazjenta baqgħet tinżamm f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Minkejja li tneħħilha dan it-tumur, xorta jridu jsirulha testijiet mediċi biex jiċċekkjaw jekk il-kanċer tneħħiliex kollu u jista' jkun li jkollha bżonn ta’ kimoterapija jew inkella terapija bir-radjazzjoni.

    It-tabib li opera lil din il-mara ta parir lill-pazjenti li m’għandhomx assigurazzjoni biex jekk ikunu jafu li mhumiex f’saħħithom imorru jaraw tabib minnufih u mhux joqogħdu jistennew li jagħlqu 65 sena. Qal ukoll li l-isptar xorta kien joperaha rrilevanti jekk kellhiex assigurazzjoni jew le, iżda qal li ma jafx jekk kieku sar hekk kienx jiġi jiswiha iżjed flus.