It-tifel ta' Gaddafi ma jistax jgħaddi ġuri ġust fil-Libja

    Avukata tal-Qorti Kriminali Internazzjonali qalet li Saif al-Islam Gaddafi ma jistax jingħata ġuri ġust fil-Libja. Din l-avukata kienet qiegħda titkellem xi ġranet wara li nħelset minn grupp tar-ribelli li akkużaha li kienet spija.

    Iben Gaddafi ilu minn Novembru jinżamm fil-kustodja ta’ grupp tal-milizja f'Zintan, raħal fil-punent tal-pajjiż. Hu qiegħed jiġi akkużat mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar reati li wettaq fil-gwerra.

    L-avukata Melinda Taylor li kienet miżmuma arrestata mill-istess grupp għal erba’ ġimgħat, qalet li d-dritt ta’ Saif li jkollu ġuri ġust fil-Libja hu “preġudikat”. Il-grupp tal-milizja insista li Saif jitressaq fil-Qrati tal-Libja.

    L-intervent ta’ Taylor wasal lejliet l-ewwel elezzjoni fil-Libja minn mindu waqa’ r-reġim ta’ Gaddafi.

    Din it-tranżizzjoni ma kinitx waħda fejn ma kienx hemm problemi, fejn gruppi differenti kienu qegħdin ifittxu li jiksbu għanijiet differenti. Il-Federalisti jridu li r-reġjuni jkollhom livelli għoli ta’ awtonomija.

    Dan ifisser li l-Lvant, b’mod ċentrali Benghazi, ikollu pożizzjoni ta’ poter minħabba ż-żejt. Hemm ukoll nuqqas ta’ qbil dwar kif tqassmu s-siġġijiet hekk kif hemm min qed jisħaq li dan se jagħti l-poter lil Tripli u lill-Punent.

    L-oppożizzjoni għall-votazzjoni ġejja wkoll mill-Iżlamiċi, fosthom il-partitarji armati tax-Sharia li tgħid li pajjiż Musulman m’għandux bżonn kostituzzjoni oħra apparti dik li ddettata mill-Koran.

    Dan il-grupp kien responsabbli għall-għeluq ta’ impjanti importanti taż-żejt u anke tal-imblokk tal-port ta’ Sidra fl-aħħar jiem bi protesta għal dik li huma jarawha bħala tradiment tar-rivoluzzjoni.

    L-attivisti qegħdin jgħidu li dawn l-ewwel elezzjonijiet fil-Libja se jkunu inġusti ma’ dawk li bdew ir-rivoluzzjoni fil-Lvant tal-pajjiż.

    L-għeluq tal-impjanti taż-żejt waslu ġurnata wara li l-kwartieri f’Ajdabiya ngħataw in-nar, b’konsegwenza li nqerdu bosta dokumenti tal-votazzjoni u listi tal-partiti u l-votanti.