Il-qagħda politika tħasseb lill-PM

    F’intervista fuq Radio 101 il-Prim Ministru Lawrence Gonzi rrikonoxxa li jinsab imħasseb bil-qagħda politika preżenti. Dan ftit jiem qabel il-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf u qabel jitlaqqa' l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

    Matul din il-laqgħa, mistenni jitħabbar x’miżuri se jittieħdu fil-konfront tad-Deputati Nazzjonalisti Jeffrey Pullicino Orlando, Franco Debono u Jesmond Mugliett, li f’mozzjonijiet parlamentari differenti li tressqu matul ix-xhur li għaddew, ħassew li kellhom imorru kontra l-linja tal-partit tagħhom jew jastjenu. Lawrence Gonzi qal li s-sitwazzjoni politika mhux qiegħda tinkwieta biss lilu, iżda anke lill-partitarji Nazzjonalisti.

    Iżda, il-Prim Ministru appella lin-Nazzjonalisti biex mingħajr ma jinjoraw il-problemi interni li hemm fi ħdan il-PN, jibqgħu jiffokaw l-iżjed fuq dawk l-affarijiet ta’ importanza nazzjonali. Lawrence Gonzi tenna’ li kulħadd irid ikun ‘accountable’ ta’ għemilu.

    Mingħajr ma kien dirett fi kliemu, huwa kien qiegħed jirreferi għal dak li seħħ fil-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni, li kkundannat l-aġir ta’ Richard Cachia Caruana bħala Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE, fejn id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando vvota mal-Oppożizzjoni, mossa li wasslet għar-riżenja ta’ Cachia Caruana.

    Mingħajr ma semma’ lil Jeffrey Pullicino Orlando b’ismu, Lawrence Gonzi qal li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tal-konsegwenzi, iżda ma qalx x’se jkunu l-konsegwenzi li se jkollu jiffaċċja Pullicino Orlando talli mar kontra l-linja tal-PN.

    Dwar is-sitwazzjoni politika, il-Prim Ministru qal li kien hemm min għamel paragun ma’ meta kien hawn il-vot dwar id-divorzju. Qal li f’dik il-kwistjoni, huwa kien ta ‘free-vote’, jiġifieri ħalla lid-deputati jivvotaw skont il-kuxjenza tagħhom.

    “Iżda f’ċirkostanzi oħrajn fejn ma ngħatax dan il-‘free-vote’, allura kulħadd kien mistenni li jivvota mal-linja tal-PN. Min ma jagħmilx hekk, jerfa’ l-konsegwenzi u l-konsegwenzi jiddeterminahom il-Partit. Dak li ġara u dak li se jiġri,” wissa Gonzi.