Italja vs Malta f’Modena għall-vittmi tat-terremot

    Il-logħba tal-11 ta’ Settembru, dik bejn l-Italja u Malta, li tgħodd għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja se tintlagħab fil-grawnd tal-futbol ta’ Braglia.

    Din kienet id-deċiżjoni tal-Federazione Italiana Giuoco Calcio. Il-federazzjoni għamlet din l-għażla bħala turija ta’ solidarjetà u biex iddaħħal parteċipi lil dawk li għaddew mit-traġedja tat-terremot fl-Emilia.

    Il-logħba se tintlagħab fil-grawnd ta’ Braglia ta’ Modena u fiha t-Taljani, li għadhom ġejjin minn wirja tajba fil-kampjonati Ewropej, se jiffaċċjaw lit-tim Malti. Din se tkun logħba valida għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2014 li se tintlagħab fil-Brażil.

    Il-FIGC għamlet dan il-pass biex turi soldarjetà u biex tinvolvi lin-nies ta’ dan ir-reġjun wara dak kollu li kellhom jgħaddu minnu. Din l-għażla kienet milqugħa mill-amministrazzjoni tal-lokal, wara li kien hemm telefonata bejn il-President tal-FIGC Giancarlo Abete u s-Sindku tar-raħal. Il-grawnd ta’ Modena hu l-uniku wieħed f’dan it-territorju li hu skont ir-regolamenti uffiċjali tal-FIFA u tal-UEFA għal-logħob uffiċjali.