Ma ridx status quo

    Meta fid-9 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet l-elettorat Malti mar jivvota, ta messaġġ ċar. Dak li ma jridx status quo.

    Dan il-messaġġ hemm bżonn li jinftiehem ukoll minn dawk li taħt xi kappell jew ieħor jirrappreżentaw xi sezzjoni tas-soċjetà. Jew f’ċerti każi jippretendu li jitkellmu għal setturi jew interessi fi ħdan l-istess soċjetà.

    Qiegħda ssir ħafna iktar moda l-frażi “qegħdin ngħaġġlu” jew “nistennew.”

    Qegħdin nisimugħha ta’ spiss f'diversi oqsma. Fosthom il-qasam tal-edukazzjoni u anke l-qasam ambjentali. Nifhmu u nemmnu fil-ħtieġa li l-gvern jikkonsulta. Għax qatt ma tista’ tikkonsulta biżżejjed. Imma nifhmu wkoll li l-gvern irid jaġixxi u dak li għandu jaġixxi fuqu huwa ċar għaliex hemm mandat elettorali.

    Ngħidu aħna, kien il-poplu li vvota biex il-proċessi fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jkunu ssimplifkati. Illum il-gvern qiegħed jimxi fuq din il-wegħda. Issa ma naqblux f’kollox u ċerti riservi ta’ xi għaqdiet ambjentali jistgħu jkunu validissimi. Fil-fatt nemmnu li għandhom jingħataw spazju wiesa' biex jgħidu tagħhom. Iżda, il-mandat favur simplifikazzjoni kien ċar u dan għandu jitwettaq minnufih. F'dan il-każ il-MEPA użajnieha biss biex nagħtu eżempju wieħed.

    Għax jekk il-poplu kien imdorri li jkun hemm impenn li biex jitwettaq jieħu s-snin kien imdorri ħażin.

    Meta l-elettorat għażel tmexxija ġdida ma kienx qiegħed jippretendi biss bidla fil-persuna li ta’ kull filgħodu tirrapporta Kastilja, f’wieħed mill-iktar uffiċini importanti tal-pajjiż. Imma kien qiegħed jippretendi li jara din il-bidla tinfirex u tinżel fil-livelli kollha. Min jaqdi lill-pajjiż f’setturi pubbliċi jew fis-soċjetà ċivili din irid japprezzaha.

    Għalina mhux aċċettabbli li gvern ikaxkar saqajh fejn jidħlu r-riformi kbar għall-pajjiż. U huwa inqas aċċettabbli meta min suppost jiġbed il-ħabel biex iwettaqhom jibqa’ idejh fil-but jew saħansitra jfixkel.

    Fl-aħħar jiem kellna eżempju ċar li meta gvern jidħol għal impenn b’serjetà, bħalma għamel fil-qasam tal-enerġija, dan ikun rikonoxxut u jħalli impatt pożittiv. Ir-rapport ta’ Standards & Poor’s kien ċertifikat qawwi f’dan is-sens.

    L-appell tagħna hu biex kulħadd jifhem li dan il-poplu ma jridx status quo. U biex ibiddel dan il-gvern għandu biss ħames snin li sena minnhom kważi taret. Għalhekk qatt ma nistgħu nkunu qegħdin ngħaġġlu biżżejjed.