Tfal Maltin imwielda fl-2013 mistennijin jgħixu sa 80 sena

    It-tfal Maltin li twieldu matul is-sena li għaddiet mistennijin jgħixu ħajja twila hekk kif jirriżulta li l-istennija ta’ ħajja tagħhom hi ta’ 80 sena.

    Dan jirriżulta minn grafika interattiva li ġiet ippreparat mill-ġurnalist Marcelo Duhalde, mill-Oman u li hu speċjalizzat fil-ġurnaliżmu tal-istatistika. Kollox hu bbażat fuq l-ipoteżi li l-kundizzjonijiet ambjentali nazzjonali ma jinbidlux.

    Fost l-aħjar tfal li marru f’din il-klassifika hemm dawk ta’ Monaco, fejn l-istennija ta’ ħajja hi ta’ 90 sena. Warajhom jikklassifikaw t-tfal Taljani, Żvizzeri, Franċiżi u tal-Liechtenstein li mistennijin jgħixu 82 sena u warajhom it-tfal Spanjoli, flimkien ma’ dawk Żvediżi, tal-Iżlanda u tal-Olanda li mistennijin jgħixu 81 sena.

    Fil-kategorija li fiha jikklassifikaw it-tfal Maltin, hemm ukoll dawk tan-Norveġja, tal-Irlanda, tal-Ġermanja, l-Ingliżi, il-Griegi, l-Awstrijakki, tal-Lussemburgu, tal-Belġju u tal-Finlandja li mistennijin jgħixu għal 80 sena.

    Meta wieħed iqabbel l-istatistika tal-pajjiżi kollha tad-dinja, jidher li fl-Ewropa hemm l-itwal stennija ta’ ħajja, fejn il-livell medju hu ta’ 78 sena. Wara l-Ewropa jikklassifika l-kontinent Amerikan b’età medja ta’ 75 sena ta’ ħajja u wara l-Ażja b’età medja ta’ 73 sena. Min-naħa l-oħra, l-istennija ta’ ħajja fl-Afrika hi ta’ 60 sena.

    Fil-każ tal-Ewropa, l-inqas pajjiż fejn it-tfal għandhom l-inqas stennija ta’ ħajja hu l-Ukrajna, fejn it-tfal tal-2013 mistennijin jgħixu sa 69 sena.