Aġġornat: “Tawh xebgħa bis-sieq u l-ponn meta kien mal-art”

    Ftit tal-ħin ilu fil-Qorti tressqu l-erba' żgħażagħ li kienu akkużati li ħebbew għaż-żagħżugħ qrib l-MCAST nhar it-Tnejn.

    L-erba' żgħażagħ huma kollha Maltin u jidher li l-argument inqala' fuq tfajla. Fil-Qorti ntqal li wieħed mill-imputati beda jaħseb li l-vittma beda jxewwex tfajla barranija fuq facebook kontrih. Gaħldaqstant qal li tella' għalih l-MCAST u miegħu tella' t-tlieta l-oħra f'każ li jinqala' xi ħaġa.

    L-imputati qalu li mal-vittma kien hemm ħmistax il-ruħ li kienu kollha studenti tal-MCAST. Fil-Qorti ntqal li kien il-vittma l-ewwel li ħebb għall-wieħed mill-imputati u dak il-ħin it-tlieta l-oħra qabżu għalih u tawh xebgħa. Intqal li l-istudenti l-oħra lill-vittma ħallewh waħdu.

    Intant, l-Ispettur Spiridione Zammit qal li tawh xebgħa bis-sieq u bil-ponn anke x'hin waqqgħuh mal-art. Zammit żied jgħid li fost il-feriti li sofra l-vittma kellu imnieħru slugat. Huwa nħareġ mill-isptar ilbieraħ.

    L-imputati ammettaw kollha l-akkużi miġjuba kontrihom u wara li kunsidra l-fatti kollha, il-Maġistrat tal-Għassa tahom il-libertà proviżorja bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien tliet snin.

    Huma se jkollhom probation officer biex isegwihom matul dan il-perijodu. Hemm ukoll protection order fuq il-vittma għal sena b'garanzija personali ta' €500 kull wieħed.

    Aktar kmieni: Il-pulizija qiegħda żżomm erba’ persuni b’rabta mal-każ fejn student tal-MCAST kien aggredit minn grupp ta’ persuni jumejn ilu. L-istudent instab ftit ‘il bogħod mill-kampus tal-MCAST mixħut mal-art. L-investigazzjonijiet qegħdin jissoktaw.