“Bik nidħak imma b’Alla ma nidħakx”

    Ma kienx xi attivist kbir tal-Partit Laburista iżda lil Mintoff kien baqa’ jafhulu. Wara li ħakmitu marda li Malta ma kienx hawn kura għaliha Ġorġ Gravina kien wieħed mill-ewwel Maltin li l-gvern tas-snin ħamsin bagħtu barra minn Malta għall-kura. Dan wasslu biex baqa’ jsegwi lill-eks Prim Ministru Mintoff fl-eqqel tas-snin sittin u saħansitra fi żmien il-ġlieda politiko reliġjuża. Eventwalment spiċċa kien l-ewwel persuna li fi żmien l-Interdett indifen il-Miżbla.

    L-istorja ta’ Ġorġ Gravina tirrakkontaha f’Mixja ta’ Poplu llejla Maria Psaila, in-neputija tiegħu. Maria Psaila tirrakkonta kif meta ffaċjat bit-talba tal-qassis biex ineħħi l-gazzetta Il-Ħelsien, Gravina kien wieġeb: “Bik nidħak imma b’Alla ma nidħakx.”

    Intant, fil-programm tal-lejla l-mistieden ewlieni huwa l-awtur Sergio Grech. Grech, li rriċerka l-perjodu tal-interdett. Riċentament kiteb ukoll il-bijografija tal-eks Ministru Nazzjonalista Alexander Cachia Zammit, li wkoll jieħu sehem fil-programm tal-lejla.

    Intervistati wkoll hemm l-eks Spiker u deputat Nazzjonalista Alfred Bonnici u d-deputat Laburista Joe Debono Grech.

    F’Mixja ta’ Poplu jitkellem ukoll l-ispiżjar Joe Camilleri, l-awtur tal-artiklu li wassal għall-ewwel interdett fis-snin 60 fuq iż-żgħażagħ Laburisti.

    Mixja ta’ Poplu, illejla fuq TVM 2, fid-20.40.