L-aktar atleti mħallsin fid-dinja

    Dan is-sajf huwa kkaratterizzat mill-isport u l-isportivi, hekk kif ftit tal-jiem ilu ntemmet il-Euro 2012 u fi ftit ġranet oħra jibdew l-Olimpjadi f’Londra.

    L-atleti ta’ sport varji llum il-ġurnata jitħallsu ċifri fenomenali. Żgur li ħafna huma tal-fehma li huma l-plejers tal-futbol l-aktar sportivi mħallsa, imma dan mhux il-każ.

    Forbes għadhom kemm ippubblikaw lista tal-aktar mitt atleta li qalgħu flus madwar id-dinja. Skont din il-lista huwa l-boxer Floyd Mayweather Jr l-aktar atleta mħallas.

    Mayweather iġġieled darbtejn matul dawn l-aħħar 12-il xahar. F’Settembru rebaħ kontra l-boxer Victor Ortiz, filwaqt li f’Mejju rebaħ lil Miguel Cotto. Ta’ dawn tħallas $85 miljun.

    B’hekk Mayweather kiseb l-ogħla post fil-klassifika tal-aktar atleti mħallsin u neħħa t-titlu lil Tiger Woods li kien ilu jżomm l-ewwel post sa mill-2001. Woods din is-sena jinsab fit-tielet post b’$59.4 miljun, hekk kif id-dħul tiegħu niżel b’$16-il miljun mis-sena ta’ qabel.

    Ir-rival etern ta’ Mayweather, il-boxer Manny Pacquiao, jinsab fit-tieni post f’din il-lista bi dħul ta’ $62 miljun. F’dawn l-aħħar 12-il xahar iġġieled ma’ Juan Manuel Marquez u Tim Bradley u qala’ $56 miljun. Daħħal ukoll $6 miljun minn reklami ma’ Nike, Hewlett Packard, Monster Energy u Hennessy.

    B’kollox kien hemm 13-il player tal-basketball li daħlu fil-lista. L-ewwel wieħed minnhom huwa LeBron James. James jinsab fir-raba’ post b’$53 miljun. James bħal kull plejer ieħor tal-NBA kellu l-paga tiegħu mnaqqsa b’20%, madankollu rnexxielu jagħmel kemxa ġmielha minn sponsors bħal Nike, Coca-Cola, State Farm u McDonald’s. Permezz tal-ftehim li James għandu mas-sieħeb tiegħu fin-negozju Fenway Sports Group, għandu wkoll sehem mill-klabb tal-futbol ta’ Liverpool.

    Qalb il-mitt atleta li l-aktar jitħallsu hemm 30 plejer tar-rugby (NFL),. L-ewwel plejer tar-rugby fil-lista huwa Peyton Manning fl-għaxar post bi dħul ta’ $42.4 miljun.

    F’din il-lista hemm atleti minn 11-il sport differenti fosthom żewġ leġġendi tal-cricket, Mahendra Singh Dhoni fil-31 post u Sachin Tendulkar fis-78 post, insibu l-istilla tal-atletika Usain Bolt fis-63 post b’$20.3 miljun. Żewġ nisa biss daħlu mal-aktar mitt atleti mħallsin, it-tennisti Maria Sharapova u Li Na.

    Maria Sharapova tinsab fis-26 post bi $27.9 miljun. Fost l-isponsors li għandha hemm Nike, Head, Samsung, Tag Heur u Evian. Għandha wkoll kolezzjoni ta’ prodotti taħt l-isem Maria Sharapova Collection. Sharapova hija fl-ewwel post tar-ranking tat-tennis.

    Li Na daħlet fil-81 post f’din il-lista bi dħul ta’ $18.4 miljun. Fost l-isponsors li għandha nsibu Babolat, Haagan – Daaz, Nike, Samsung, Mercedes u numru kbir ta’ kumpaniji Ċiniżi.

    Bejniethom l-aktar mitt atleti mħallsin qalgħu s-somma ta’ $2.6 biljun fuq 12-il xahar bejn Ġunju 2011 u Ġunju 2012. Id-dħul kien jinkludi pagi, bonuses, flus minn rebħ ta’ kompetizzjonijiet, liċenzji u kuntratti ma’ kumpaniji għar-riklami.

    Din hija l-lista tal-ewwel għaxar postijiet:

    1. Floyd Mayweather ($85 miljun),

    2. Manny Pacquiao ($62 miljun),

    3. Tiger Woods ($59.4 miljun),

    4. Lebron James ($53 miljun),

    5. Roger Federer ($52.7 miljun),

    6. Kobe Bryant ($52.3 miljun),

    7. Phil Mickelson ($47.8 miljun),

    8. David Beckham ($46 miljun),

    9. Cristiano Ronaldo ($42.5 miljun),

    10. Peyton Manning ($42.4 miljun),