Naomi Watts se “terġa’ tagħti l-ħajja” lill-Prinċipessa Diana

    Il-Prinċipessa Diana baqgħet persuna maħbuba minn kulħadd peress li kien tħobb tgħin lil min hu fil-bżonn. Barra minn hekk, kienet l-ewwel persuna ta’ ċerta importanza li bdiet tidher man-nies bħala persuna normali li tagħmel minn kollox biex tgħin lil ta’ madwarha.

    Sfortunatament, ħajjitha ma kinitx waħda twila u propju fl-1997, meta kellha 36 sena, waqt li kienet Pariġi kienet involuta f’aċċident tat-traffiku ikrah fejn tilfet ħajjitha.

    Propju minħabba l-personalità tagħha, li għenitha tkun maħbuba min-nies komuni, ġie maħsub li jinħadem film dwar l-aħħar sentejn ta’ ħajjitha u b’hekk in-nies ikunu jistgħu jkomplu jiftakruha.

    Il-parti ta’ Diana se tinħadem mill-attriċi famuża Naomi Watts li diġà qiegħda tagħmel diversi bidliet biex tiġi tixbaħ lill-prinċipessa. Il-midja barranija rnexxielha tieħu diversi ritratti ta’ Watts waqt li kienet qiegħda taħdem xi partijiet minn dan il-film u mir-ritratti li ġew ippubblikati jidher li Watts ġiet tixbaħha ħafna.

    Il-film, li se jkun jismu ‘Caught in Flight’ se jiffoka fuq l-aħħar sentejn mill-ħajja tal-prinċipessa. Fost l-oħrajn se jkun qed jidħol fl-istorja ta’ Diana wara d-divorzju tagħha minn mal-Prinċep Karlu fl-1995 u minn hemm jaqleb għal fuq l-istorja ta’ mħabba “sigrieta” mal-kirurgu tal-qalb Hasnat Khan. U jkompli għat-traġedja fejn Diana tilfet ħajjitha f'aċċident tat-traffiku f’mina f’Pariġi flimkien mal-maħbub tagħha Dodi el Fayed.

    F’intervisti li kellha dwar dan il-film, l-attriċi Ingliża Naomi Watts qalet li tinsab imbeżża’ li se taħdem din il-parti. Qalet ukoll li meta ġiet mitluba tagħmel din il-parti hi xtaqet tgħid le iżda ma setgħetx.

    Għalhekk issa tinsab tagħmel diversi preparamenti biex tipprova kemm jista’ jkun tidħol fil-karattru bl-aħjar mod possibbli. Fil-fatt, diġà marret f’diversi postijiet fejn kienet tħobb tmur l-istess Diana ħalli tipprova tagħmel l-istess attivitajiet tagħha. Watts għamlet xagħarha bħal ta’ Diana u mir-ritratti tidher li ġiet tixbaħha ħafna. Fil-fatt, l-attur li se jaħdem il-parti tal-kirurgu qal li Watts hi l-unika persuna li tista’ tagħti interpretazzjoni tajba tal-prinċipessa.

    Dan il-film mistenni joħroġ fis-swali taċ-ċinema fl-2013.