Google fi proċess ta’ “tindif”

    Is-search engine Google tinsab għaddejja bi proċess ta’ “tindif” hekk kif qiegħda tagħlaq ċerti applikazzjonijiet li jidhrilha li huma skaduti minħabba l-avvanz qawwi li sar fit-teknoloġija.

    Fost dawn l-applikazzjonijiet li se jingħalqu hemm l-igoogle li ġie mniedi fl-2005 u kien jagħti 'updates' u jagħti l-possibilità li dawk li jagħmlu użu minnu jkunu jistgħu jużaw l-applikazzjonijiet tiegħu. Illum il-ġurnata, permezz ta’ Chrome u tal-Android, din l-applikazzjoni tidher li saret skaduta. Barra minn hekk, il-Google+ jagħmel ħafna mill-istess affarijiet ukoll.

    Minkejja dan, Google qalet li se tagħti ċans lil dawk li għadhom jużaw l-iGoogle sal-1 ta’ Novembru, 2013.

    Applikazzjoni oħra li se tispiċċa hi l-Google Mini hekk kif il-Google qiegħed jippromwovi aktar il-Google Search Appliance, il-Google Site Search u l-Google Commerce Search. Għal darb’oħra però, Google wegħdet li se tibqa’ tagħti assistenza teknika sakemm ma jispiċċaw il-kuntratti ta’ dawk li jużaw din l-applikazzjoni.

    Hemm ukoll diversi applikazzjonijiet oħrajn li qegħdin jaraw it-tmiem tagħhom bħall-Google Video u l-Google Talk Chatback.

    Din il-kumpanija, li tmexxi waħda mill-akbar search engines fis-suq, qiegħda tieħu dawn il-passi li ddeskrivithom bħala għażliet diffiċli iżda li jkunu ħasbu sew dwarhom u dwar l-implikazzjonijiet tagħhom. Google jidhru li qegħdin jagħmlu diversi proċessi ta’ tindif minn mindu Larry Page sar CEO ta’ din il-kumpanija. Fil-fatt, Page għamilha ċara li jridu jiżviluppaw aktar proġetti li jdumu għal tul ta’ żmien u li huma ffokati fuq il-lati soċjali u dawk tal-mowbajl.