Il-livelli tal-baħar se jibqgħu jogħlew… anke jekk innaqqsu t-temperatura

    Il-livelli tal-baħar jistgħu jibqgħu telgħin għal mijiet ta’ snin, anke jekk il-medja globali tat-temperatura tibqa’ nieżla.

    Minn rapporti ppubblikati fuq The Daily Mail, grupp ta’ xjenzati skoprew li anke jekk it-temperaturi globali jinżlu u l-wiċċ tal-baħar jiksaħ, is-sħana xorta titħallat mal-aktar saffi fondi tal-oċean u b’hekk il-livelli jkomplu jogħlew. Dan jiġri għax kif it-temperaturi sħan jidħlu fil-fond tal-baħar, l-ilma jisħon u jespandi hekk kif is-sħana titħallat f’partijiet differenti tal-oċean.

    Madankollu, jekk it-temperaturi se jkomplu jogħlew, bil-konsegwenza li s-silġ jibqa’ jinħall il-problema se tkompli tiżdied. Fil-fatt, bejn l-1980 u l-2010 t-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar żdiedu b’0.17 il-grad Celsius. Il-livell tal-baħar għola bi 2.3 millimetri bejn l-2005 u l-2010 hekk kif inħall is-silġ. Dwar kemm minn dan ġie kkawżat mill-effetti tal-gassijiet serra għadu qiegħed jiġi diskuss bejn ix-xjenzati.

    Aktar minn 180 pajjiżi qegħdin jiddibattu u jinnegozjaw ftehim ġdid dwar it-tibdil fil-klima li mistenni jidħol fis-seħħ fl-2020. B’dan il-ftehim, il-pajjiżi kollha se jkunu obbligati li jnaqqsu l-emissjonijiet biex inaqqsu t-tisħin globali b’żewġ gradi Celsius. Ix-xjenzati qegħdin jgħidu li dan il-livell hu l-inqas biex tiġi evitata katastrofi.

    Minkejja dan kollu, ix-xjenzati miċ-Ċentru Nazzjonali tar-Riċerka Atmosferika tal-Istati Uniti, l-organizzazzjoni tar-riċerka Climate Central tal-Istati Uniti u ċ-Ċentru tat-Temp u r-Riċerka dwar il-Klima Awstraljan f’Melbourne qalu li dan jista’ ma jkunx biżżejjed.

    Intant, dawn il-livelli tal-baħar li qegħdin dejjem jogħlew huma ta’ theddida għal wieħed minn kull għaxra tal-popolazzjoni tad-dinja li jgħixu f’inħawi b’livell baxx u fuq gżejjer. Fost dawn jinsabu mheddin il-gżejjer tal-Karibew, il-Maldives u l-gżejjer li jinsabu fl-Ażja u fl-Oċean Paċifiku.