Student iwettaq suwiċidju għax ħaseb li m’għaddiex mill-eżamijiet

    Student mill-istitut professjonali ta’ Losanna fl-Iżvizzera wettaq suwiċidju hekk kif ma sabx ismu miktub fil-lista tar-riżultati tal-eżamijiet tal-gradwazzjoni. Hekk kif l-istudent ħaseb li ma kienx għadda mill-eżamijiet hu ppanikja u wettaq suwiċidju. B’xorti ħażina l-isem tat-tifel ma kienx fuq il-lista għax sempliċiment kien sar żball bil-kompjuter.

    L-istudent kien wieħed brillanti u dejjem kien ġab marki tajbin ħafna. Fil-fatt, għall-għalliema tiegħu hu kien wieħed minn dawk l-istudenti meqjusin bħala t-tajbin.

    It-tifel ħadha wisq ħażin u ma tax kas li jiċċekkja jekk fil-fatt kienx għadda. Fil-fatt, hu qabad u wettaq suwiċidju ftit passi ’l bogħod mill-iskola.

    L-għalliema qalu li l-istudent kien ċert li mar tajjeb u kien anke ċempel diversi drabi lill-għalliema tiegħu biex jiċċekkja. Dawn min-naħa tagħhom kienu żgurawh li kien mar tajjeb u biex jistenna r-riżultati tal-iskola.

    Sfortunatament, dan kien biss żball minn min kien qed idaħħal l-ismijiet fuq il-kompjuter, liema isem imbagħad deher aktar tard meta t-tifel kien diġà miet.