Prodotti tas-sbuħija li kull mara għandu jkollha

    Fis-suq insibu elf prodott tas-sbuħija, u għalhekk mhux faċli tkun taf liema huma dawk li huma essenzjali u liema huma dawk li faċilment ngħaddu mingħajrhom.

    Blusher

    Il-blusher huwa dak il-prodott li permezz tiegħu malajr tħossok tajba. Dan jista’ jkun ta’ lwien varji minn kull skala ta’ roża, oranġo u kannella. Il-blushers jiġu f’forom differenti, hemm minnhom gel, cream, likwidu jew anke trab. M’hemm xejn aħjar minn blusher biex tixgħel il-wiċċ u tagħti dak il-lewn speċjali fuq ħaddejk.

    Concealer

    Jekk għandek taħt għajnejk iswed, tbajja’, ponot jew ħmura, għandek bżonn concealer. Permezz ta’ dan il-prodott tkun tista’ taħbi kull tip ta’ imperfezzjoni f’wiċċek.

    Eye cream

    Jingħad li l-għajnejn huma t-twieqi tar-ruħ. Imma l-għajnejn huma wkoll l-ewwel parti ta’ ġisimna li juru l-ewwel sinjali ta’ xjuħija. It-tikmix huwa inevitabbli, imma tista’ ttawwal iż-żmien ta’ meta dawn jibdew jidhru, billi tuża eye cream. Eye cream jista’ jillixxa xi linji rqaq, inaqqas in-nefħa madwar l-għajnejn, kif ukoll inaqqas dawk il-boroż kemmxejn skuri taħt l-għajn.

    Lipstick aħmar

    Kull mara għandu jkollha lipstick aħmar għal tliet raġunijiet. L-ewwel għax jista’ jintuża f’kull okkażjoni, kemm f’laqgħa importanti tax-xogħol u waqt li tkun qed tieħu drink b’mod informali. Lipstick aħmar jagħmlek aktar kunfidenti. U jagħmel kull tibdila aktar pulita u femminili.

    Mascara

    Ix-xagħar tal-għajnejn twal u folti huma ekwivalenti għaċ-ċirasa fuq il-kejk. Minn xagħar tal-għajnejn qosra u mbegħdin, fi ftit sekondi tista’ tittrasformahom f’xi ħaġa aħjar.

    Dry shampoo

    Fil-ħajja li ngħixu llum b’ġirja kontinwa kontra l-ħin, mhux dejjem ikollna ċans naħslu xagħarna. Bejn ħasla u oħra tista’ tuża dry shampoo. Id-dry shampoo huwa trab li jitferrex fuq ix-xagħar. Xogħlu hu li jassorbi ż-żejt żejjed mix-xagħar, jiġbed il-ħmieġ u r-riħa tinten.

    Deep conditioner

    Hu x’inhu l-istil ta’ xagħrek, hu x’inhu l-kulur u hi x’inhi l-ħxuna tax-xagħar, huwa importanti li tal-inqas darbtejn fix-xahar tidlek deep conditioner. Xagħrek żgur tirringrazzjak.

    Face wipes

    Għajjiena wisq, xrobt iżżejjed u ma nafx kemm-il skuża oħra. Li torqod bil-make-up hija waħda mill-agħar affarijiet li tista’ tagħmel lill-ġilda tiegħek. Għalhekk qabel torqod, ħu ħsieb li tnaddaf wiċċek b’face wipe. Żomm pakkett fil-komodina biex tkun aktar faċli.

    Sunscreen

    Illum il-ġurnata aħna ħafna aktar konxji minn qatt qabel dwar il-ħsara li jagħmlu r-raġġi tax-xemx. Għalhekk huwa importanti li tidlek is-sunscreen. Dan huwa importanti anke jekk ma tkunx ħdejn il-baħar, imma se tqatta’ ħafna ħin barra. Idilku s-sunscreen anke jekk tkunu l-baħar kmieni filgħodu jew tard wara nofsinnhar.