M’għandux x’jaħbi

    Ħafna mid-dibattitu dwar l-Individual Investors Programme kien ibbażat fuq il-kritika li l-gvern seta’ kellu x’jaħbi għax il-programm kif kien imħabbar kien iżomm mistura l-ismijiet ta’ dawk li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija. Anke jekk ir-raġuni kienet ovvja - dik li l-gvern ried jieħu potenzjal massimu minn dan il-programm billi jattira ukoll lil dawk l-individwi li għalihom il-privatezza hija iktar importanti minn kollox - dawk kontra l-programm sabuha skuża tajba u b’saħħitha biex jattakawh. Saħansitra, kien hemm min mar Brussell biex “jugża” lill-pajjiżu u bbaża l-argument tiegħu fuq dan il-punt.

    Id-dubji nfirxu fost sezzjonijiet kbar tal-poplu Malti u anke kien hemm min seta’ ma kellu xejn kontra l-prinċipju li wieħed jikseb iċ-ċittadinanza b’investiment u xorta kien xettiku dwar din li l-ismijiet se jinżammu mistura.

    Dan anke jekk seta’ deher ċar mill-bidu li l-gvern ma kellux x’jaħbi. Jekk xejn dan kien evidenti meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ippropona lil Godwin Grima bħala regolatur. Ħafna raw din il-ħatra bħala waħda fejn il-gvern seta’ jkun qiegħed idaħħal il-lifgħa f’kommtu. Iżda, għaliex għandu jibża’ jagħmel dan ladarba ma kellux x’jaħbi? U hekk kien.

    Issa lbieraħ il-gvern ta prova oħra ta’ dan. Sema’ u ddeċieda li l-ismijiet ma jkunux mistura. Anke jekk żgur kienu ftit dawk li fittxew min huma dawk is-7,000 li fl-aħħar ħames snin kisbu ċ-ċittadianza Maltija llum donnha saret ħaġa iktar importanti. U għalhekk bħal dawk li forsi ġew hawn Malta u żżewġu Maltija l-ismijiet ta’ dawn li ħallsu €650,000 se jidhru fil-gazzetta tal-gvern.

    Ngħidu li għamel sew li l-gvern għażel it-trasparenza fuq il-potenzjal sħiħ tal-programm. Għax jista’ jkun jitlef xi ftit investituri iżda żgur li rebaħ ħafna kredibbiltà.

    Issa jmiss lill-Oppożizzjoni li tkun iktar kostruttiva. Żgur li ma tistax tibqa’ tibbaża l-kritika tagħha fuq il-fatt li l-gvern ma ċċaqlaqx pulzier.

    Id-diskors kollu dwar kemm kien hemm bżonn isir programm aħjar u kemm kienu lesti jikkolaboraw iridu jsarfuh. Il-gvern għamel pass kbir min-naħa tiegħu. Simon Busuttil x’se jagħmel? Jekk jibqa’ juri l-istess negattività allura konklużjoni waħda jkun hemm. Dik li l-għan ewlieni tiegħu kien li jagħmel ħsara lill-programm li jista’ jkun wieħed ta’ fejda.