Raġel fil-periklu tal-mewt wara ħabta

    Raġel ta' 59 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku fi Triq iż-Żejtun. Il-każ seħħ ftit qabel id-disgħa u nofs tal-bieraħ filgħaxija.

    Meta l-Pulizija marru fuq il-post, minn stħarriġ preliminari, irriżulta li waqt li raġel ta’ 59 sena, residenti Birżebbuġa, kien qed isuq vettura tat-tip Opel Corsa, għal raġuni mhux magħrufa kellu impatt ma’ vettura tat-tip Land Rover, misjuqa minn ġuvni ta’ 20 sena, ukoll residenti Birżebbuġa.

    Ir-raġel ta’ 59 sena ittieħed l-isptar Mater Dei permezz ta’ Ambulanza għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li kien fil-periklu li jilef ħajtu.

    Tfajla ta’ 22 sena, residenti Birżebbuġia, li kienet passiġiera ġewwa l-vettura Land Rover, sofriet ġrieħi ħfif fl-inċident.

    Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

    Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.