Il-Mit Pawlin fil-Katakombi ta’ San Pawl

    Fil-Grotta ta’ San Pawl illum Mark Camilleri ta dettalji dwar il-pubblikazzjoni “Il-Mit Pawlin u l-Abbuż tal-Istorja Maltija” li jitratta mhux l-aktar jekk San Pawl ġiex Malta jew le fis-Sena 60 W.K. iżda l-aktar jekk qattx il-komunità indiġena Maltija meta ġie San Pawl, hux veru li ġiet ikkonvertita għall-Kristjaneżmu, u jekk il-Kristjaneżmu ttraxxendhiex għal żminijiet tagħħom. L-awtur tal-ktieb qal li hemm dubji kbar jekk qattx kien hawn kontinwità ta’ Kristjaneżimu fil-gżejjer Maltin. Il-katakombi ta’ San Pawl huwa post storiku li fil-kuxjenza popolari tal-Maltin, jitqies bħala post sagru li hu abbinat mal-Mit Pawlin li jikkritika dan il-ktieb stess.

    Għal mitt sena wara li fis-sena 870 Malta waqghet taħt il-Musulmani, il-gżejjer Maltin kienu diżabitati u wara l-popolazzjoni indiġena kienet waħda Musulmana bil-Kristjaneżimu jidħol bħala riżultat ta’ gwerrer fi Sqallija minn Ruġġieru II u influwenzi esterni, bħal ma wara kollox kien daħal l-Islam wkoll.

    “Il-Mit Pawlin” (Pubblikazzjoni SKS), jinbigħ €5 mill-“istand” tal-SKS matul il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

    “Il-Mit Pawlin” huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel kapitlu huwa spjegazzjoni dwar l-aspetti storiċi tal-Mit Pawlin u kif huwa inkorrett, u wara jkompli billi jittratta l-propagazzjoni tal-Mit Pawlin. It-tieni kapitlu huwa analiżi kritika u filosofika tal-Mit Pawlin bħala fenomenu. L-aħħar parti hija intervista esklussiva mal-professur Godfrey Wettinger fejn jispjega fid-dettal kif ix-xogħol tiegħu żvela l-inkorettezzi tal-kabar Mit storiku Malti. Wettinger, fl-umiltà kollha tiegħu ma jammettihiex, imma fil-verità kien hu l-ewwel storiku Malti li b'mod rigoruż introduċa fl-istorjografija Maltija l-metodi xjentifiċi. Wara Wettinger, l-istorjografija Maltija nbidlet radikalment u dan ix-xogħol jista' jitqies bħala riżultat tal-imħabba lejn il-metodi xjentifiċi tal-istorja li rawwem Wettinger fl-istudenti tiegħu.

    Mark Camilleri ggradwa mill-Università ta' Malta b'Masters fl-Istorja. L-ewwel pubblikazzjoni tiegħu kienet “From Colonialism to Mintoffianism: Malta's transition from a British base to a commercial economy” (2012),. Għal kważi sentejn kellu kolonna twila fuq it-Torċa.

    Il-professur Godfrey Wettinger huwa storiku ta’ kalibru akkademiku kbir li qatta’ ħajtu jistudja l-Medju Evu u tana perli bħal “The Jews of Malta in the Late Middle Ages” (1985),, “Place-Names of the Maltese Islands” (1999), u “Slavery in the Maltese Islands ca. 100 AD to 1814” (2002),.