L-effett pożittiv li tista’ tħalli r-rebħa ta’ “Parasite”

  • Fra 23, 2020 19:14
  • Miktub minn iNews

    Ġimgħatejn ilu, l-Oscars tawna riżultat mhux mistenni: il-film “Parasite” rebaħ l-Oscar għall-aħjar film.  

    “Parasite kien is-sitt film li ġie nnominat kemm għall-aħjar film mhux maħdum bil-lingwa Ingliża (minn din is-sena, din l-Oscar qed tissejjaħ Film Internazzjonali) u għall-aħjar film. Il-films “Z” (1969), “Life id Beautiful” (1998), “Crouching Tiger, Hidden Dragon” (2000), “Amour” (2012) u “Roma” (2018) kollha rebħu l-Oscar għall-aħjar film mhux bil-lingwa Ingliża imma tilfu l-Oscar għall-aħjar film.  “Parasite” mhux biss kien l-ewwel film mill-Korea t’Isfel li ġie nnominat imma rebaħ ż-żewġ Oscars.  Xi tfisser din ir-rebħa?

    Għad-direttur Bong Joon Ho, din tfisser li kull kumpanija ewlenija ta’ Hollywood trid takkwista s-servizzi tiegħu.  Sakemm ma jkollux xi disfatta kbira, Bong Joon Ho ser ikollu kontroll assolut fuq il-films tiegħu li ser jaħdem fil-futur immedjat.  Dan joffri kuntrast qawwi ma’ dak li ġara sitt snin ilu biss meta Bong Joon Ho ħadem il-film tal-fantaxjenza “Snowpiercer” u Harvey Weinstein (li dak iż-żmien kien għadu jiddetta li kollox irid isir kif irid hu) ordna li l-film jerġa jiġi editjat minkejja n-nuqqas ta’ qbil tad-direttur.  

    Għall-organiżżaturi tal-Oscars ir-rebħa ta’ “Parasite” tista’ toffri raġġ żgħir ta’ dawl għall-futur f’dawk li huma nies li jaraw il-preżentazzjoni televiżiva.  Sa mill-2014, b’eżżezzjoni żgħira, l-ammont ta’ nies li jaraw l-Oscars dejjem kien anqas mis-sena ta’ qabel.  Is-sena l-oħra kien żdied bi ftit fuq l-2017.  Din is-sena, l-udjenza kienet l-anqas waħda – għoxrin f’kull mija anqas mis-sena l-oħra.  Dan ħalla effett fuq ir-reklami li naqqsu b’31 f’kull mija.  Iċ-ċeremonja tal-Oscars għadha l-aktar ċeremonja tal-unuri segwita fuq it-televiżjoni imma l-Grammy Awards saru jiġbdu udjenza akbar fost l-udejnza ta bejn it-18 u d-49 sena.

    L-organiżżaturi tal-Oscars ippruvaw jindirizzaw l-emorraġija tal-udjenza żagħżugħa bil-preżenza ta’ Janelle Monáe fil-ftuħ.  Imma l-kanzunetta tagħha ma kienitx b’saħħitha daqs dik ta’ Justin Timberlake meta fl-2017 saħħar lil kulħadd b’‘Can’t Stop the Feeling’ jew bil-preżenza tal-grupp Queen meta s-sena l-oħra fetħu ċ-ċeremonja b’‘We Will Rock You’.

    Din is-sena ppreżentaw lir-rapper Eminem biex ikanta ‘Lose Yourself’, wara li 17-il sena ilu din il-kanzunetta mill-film ‘8 Mile’ rebħet l-Oscar u dak in-nhar Eminem naqas milli jattendi.  Il-problema tal-organiżżaturi kienet li sal-aħħar minuta, ma kienux ċerti jekk Eminem hux sejjer jattendi u għaldaqstant ma ssograwx li jħabbru il-preżenza tiegħu.

    Kien hemm ukoll il-preżenza ta’ Billie Eilish. L-għidut kienet li ser tintroduċi l-kanzunetta ġdida għall-film ta’ James Bond, ‘No Time to Die’.  Minflok hi kantat verżjoni ta’ ‘Yesterday’ ta’ The Beatles waqt it-tislima tradizzjonali lil dawk li mietu fit-12-il xahar ta’ qabel.  Billie Eilish li għad għandha 18-il sena ilha waħda mill-aktar kantanti popolari sa minn meta fl-2016 għamlet upload fuq SoundCloud tal-kanzunetta ‘Ocean Eyes’.  L-interpritazzjoni tagħha tal-kanzunetta klassika ‘Yesterday’ fi kliemha stess kienet ‘trash’.  Eilish stqarret li ħassitha ħuta barra mill-ilma għax ma ratx quddiemha l-udjenza li tista’ tappella għall-mużika tagħha.  Mhix stqarrija li tawgura tajjeb meta film ta’ James Bond irid jappella għall-udjenza mill-aktar wiesa’, inkluż dik li kienet hemm fis-sala.

    Imma “Parasite” jista’ jgħin lill-Oscars tas-sena d-dieħla?  Iċ-ċeremonja tal-Oscars tiġi wara sensiela twila ta’ tqassim ta’ unuri.  Ħafna jsostnu (u sa ċertu punt, hekk hu) li ċ-ċeremonja twila aktar minn tliet sigħat ma tantx toffri suspense dwar min huma r-rebbieħa.  L-organiżżaturu ippruvaw jieħdu azzjoni billi ressqu ’l quddiem id-data taċ-ċeremonja ħalli forsi l-organiżżaturi l-oħrajn ma jkollhomx iċ-ċans li jagħmlu tagħhom.  Il-mossa ma rnexxietx għax kemm il-Golden Globe Awards, l-British Film Awards, l-Producers Guild Awards u d-Directors Guild Awards kollha mxew għall-ġranet qabel ukoll.  Ironikalment, ir-Razzie Awards nqabddu fuq sieq waħda u ma sarux kif tradizzjonalment isiru, fil-jum ta’ qabel iċ-ċeremonja tal-Oscars.

    Is-sorpriża li “Parasite” rebaħ l-Oscar għall-aħjar film tista’ tibgħat il-messaġġ li l-Oscars mhux bilfors jintrebħu minn kif ikunu qed jitqassmu l-unuri l-oħra.

    F’dawn l-aħħar ħames snin, l-Oscars qed ikunu spiss imprevedibbli.  Fl-2015 kien rebaħ “Spotlight” meta l-favorit kien “The Revenant”.  Fl-2016 kien hemm il-famuża sitwazzjoni imbarazzanti meta Warren Beatty u Faye Dunaway qraw li r-rebbieħ kien il-film favorit “La La Land”.  Wara li ndunaw bl-iżball u r-rebbieħ kien b’sorpriża l-film “Moonlight”.  Fl-2017 kollox mar kif kien previst u rebaħ “The Shape of Water”.  Is-sena l-oħra, kien hemm ftit ta’ nċertezza bejn liema film ser jirbaħ bejn “Roma” u “Green Book”.  Rebaħ ta’ l-aħħar.  U s-sena d-dieħla?

    The Call of the Wild

    Atturi:Harrison Ford, Karen Gillan, Cara Gee

    Direttur:Chris Sanders

    L-awtur Amerikan Jack London li għex bejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 kiseb fama internazzjonali peremzz ta’ żewġ kotba li fihom il-protagonisti kienu klieb.  Iż-żewġ kotba huma ‘The Call of the Wild’ li ġie ppubblikat fl-1903.  L-ieħor hu ‘White Fang’ li ġie ppubblikat tliet snin wara.  It-tnejn anke ġew adattati diversi drabi bħala films, sal-bidu nett taċ-ċinema.  Tant hu hekk, li l-ewwel verżjoni ta’ “The Call of the Wild” nsibuha fl-1923 u dik ta “White Fang” insibuh bħala film fl-1925.

    “The Call of the Wild” diversi drabi.  Hemm il-verżjoni tal-1935, b’Clark Gable u Loretta Young.  Rajna ukoll verżjoni fl-1972 b’Charlton Heston.

    F’din il-verżjoni l-ġdida, niltaqgħu mal-kelb Buck li jinsteraq minn dar f’Kalifornja u jiġi mibjugħ.  Buck ma jkunx kuntent u jaħrab.  Il-kelb jerġa jsib sid li jsir jħobbu meta jiltaqa’ ma’ John Thornton – il-parti li jaħdem l-attur ta’ 77 sena, Harrison Ford.  

    “The Call of the Wild” (20th Century Fox–KRS: PG) hu film ta’ avventura li parti sew minnha ġiet iffilmjata fit-territorju Kanadiż ta’ Yukon fejn l-awtur Jack London issettja l-istorja fil-ktieb tiegħu.  Kemm il-verżjoni tal-1935 u anke dik tal-1972, ebda filming ma kien sar f’Yukon.

    Il-kelb li jintuża fil-film hu taħlit tar-razzez St. Bernard u Scotch Shepherd.  Il-kelb ġie addottat minn mart id-direttur Chris Sanders wara li ltaqgħet miegħu ġo animal shelter f’Kansas

    Underwater

    Atturi:Kristen Stewart, Vincent Cassali, Mamoudou Athie

    Direttur:William Eubank

    Dan huwa thriller b’mumenti tal-biża’ li jlaqqana ma’ grupp ta’ xjenzati li jkunu f’stazzjon taħt il-baħar, msejjaħ Keppler, biex iħaffru għar-riżorsi naturali.  Huma jkunu aktar minn 11-il kilometru taħt wiċċ l-ilma fl-oċejan Paċifiku f’dik li hi magħrufa bħala l-Mariana Trench – fossa fil-qiegħ tal-oċejan meqjusa bħala l-aktar waħda fonda li hawn fid-dinja.

    F’ħin bla waqt iseħħ maremot qawwi u sezzjoni ta’ dan l-istazzjon iġarrab ħsarat li allura ma jkunx jiflaħ għall-pressjoni enormi tal-ilma minħabba l-fond li jkunu jinsabu fih. 

    Kristen Stewart tidher fil-parti tal-inġinier Norah Price.  Malli tintebaħ x’kien qed jiġri, Norah tipprova tqajjem lil sħabha, imma tkun hi u Rodrigo (Mamoudou Athie) li jirnexxielhom jaħarbu mill-parti li ġġarrab l-aktar ħsara qabel ikollhom jagħlqu dik il-parti tal-istazzjoni biex jilimitaw il-ħsara.  

    Norah u Rodrigo jirħulha lejn escape pods, u jsalvaw anke lil Paul (T.J. Miller).  Meta jaslu ħdejn il-parti tal-istazzjoni fejn ikun l-escape pods, huma jsibu li dawn kienu diġa ntużaw u kien għad baqa’ biss il-Kaptan (Vincent Cassel).

    Il-kaptan jipproponi pjan li mill-aspett tan-narrattiva ftit li xejn jagħmel sens, ħlief li jservi skuża biex l-atturi ixeddu diving suits enormi fuqhom u jwassluna sakemm jitfaċċa l-monstru biex forsi jkattar it-tensjoni.

    “Underwater” (20th Century Fox–KRS: 12A) huwa maħdum taħt id-direzzjoni ta’ William Eubank li jinħass li hu nieqes mill-esperjenza ta’ films bħal dawn.  Evidenti li hu nfluwenzat mill-film “The Meg” li rajna f’Awwissu ta’ sentejn ilu.  

    Sonic the Hedgehog

    Atturi:Jim Carrey, James Marsden, Ben Schwartz

    Direttur:Jeff Fowler

    Din l-avventura komika hi ispirata minn video game fejn il-protagonist hu l-qanfud Sonic (vuċi ta’ Ben Schwartz) li jispiċċa fid-dinja tagħna wara li jkun ħarab minn fuq dinja oħra.  Dak li jagħmel lil dan il-qanfud speċjali hi l-veloċitá qawwija li kien jivvjaġġa biha.

    Wara li b’mod aċċidentali jikkważa qtugħ kbir fid-dawl elettriku, Sonic jipprova jistaħba f’belt f’Montana.  Il-gvern iqabbad lit-tirann Dr. Robotnik (Jim Carrey) sabiex jaqab lil Sonic.  Ix-xeriff Tom Wachowski (James Marsden) isib lil Sonic u jiddeċiedi li jgħin lil Sonic milli jispiċċa taħt idejn Dr. Robotnik, billi dan ried jużah għall-iskop ta’ moħħu.

    Għad-direttur Jeff Fowler, “Sonic the Hedgehog” (Paramount Pictures–KRS: U) hu l-ewwel film li qed jidderieġi.  Irid jingħad li “Sonic the Hedgehog” sar il-film bl-akbar dħul fl-opening weekend mill-films kollha ispirati minn video games.  Ir-rekord qabel kien f’idejn “Pokemon Detective Pikachu” li rajna f’Mejju li għadda.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook