Sandro Pertini ... 30 sena minn mewtu

  • Fra 23, 2020 18:48
  • Miktub minn Robert Aloisio

    Nhar l-24 ta’ Frar ta’ 30 sena ilu, l-Italja bkiet lill-iktar President li kienet tħobb, Sandro Pertini. Tnax-il sena qabel, nhar id-9 ta’ Lulju 1978 kien mar bil-mixi sa Montecitorio, il-Parlament Taljan, biex jieħu l-ġurament ta’ President. Għax Pertini kien il-bniedem tal-poplu, “il presidente degli italiani”. Dejjem bil-pipa f’ħalqu u dejjem jgħix f’appartament żgħir f’Ruma li jagħti għal fuq Fontana di Trevi fejn ried jibqa’ joqgħod anke wara li sar President.

    Pertini. Is-sapporter tat-Tim Nazzjonali Taljan li miegħu tilgħab logħba karti. In-nannu li miegħu tifraħ ir-rebħa tat-Tazza tad-Dinja. Il-“partigiano” li ġġieled in-Nażi-Faxxiżmu u li flimkien ma’ oħrajn fassal il-Kostituzzjoni Taljana. Id-difensur tal-ħaddiema u tad-drittijiet ċivili. Dan kollu kien Sandro Pertini. Imma fuq kollox, kien dak li ħa sehem fiż-żewġ gwerer dinjija biex jiddefendi l-libertà, in-nazzjon tiegħu, it-twemmin tiegħu, u għal dan spiċċa priġunier, eżiljat, u kkundannat għall-mewt.

    “Ibqa’ dejjem qrib il-klassi tal-ħaddiema”

    Alessandro Pertini twieled f’belt żgħira jisimha Stella fil-provinċja ta’ Savona fir-reġjun tal-Liguria, nhar il-25 ta’ Settembru 1896 minn familja tat-tajjeb. Kellu erbat aħwa: Gigi, Marion, Pippo u Genio. Alessandro, magħruf bħala Sandro, kien l-iżgħar wieħed mis-subien. Genio miet f’kamp ta’ konċentrament fil-Ġermanja fl-1945. 

    Missieru, Andrea, sid tal-artijiet, miet meta Sandro kellu 12-il sena. Sandro ntrabat ħafna ma’ ommu, Maria Giovanna, imwielda Muzio, Kattolika prattikanti li dejjem kienet tieħu lil Sandro fil-funzjonijiet reliġjużi tar-raħal.

    Sandro beda l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ Don Bosco ta’ Varazze, mnejn għadda għal-Liceo Chiabrera ta’ Savona. Fil-Liċeo, kellu bħala għalliem tal-filosofija lill-Professur Adelchi Baratono u kien bis-saħħa tiegħu li Pertini nġibed lejn is-Soċjaliżmu minn età żgħira. Baratono kien wieħed mill-esponenti ewlenin tal-Partit Soċjalista Taljan fil-perjodu diffiċli ta’ bejn l-ewwel u t-tieni gwerra. 

    Mill-Professur Baratono, Pertini ħa tagħlima li dejjem baqa’ leali lejha: “Jekk ma trid qatt titlef it-triq it-tajba, ibqa’ dejjem qrib il-klassi tal-ħaddiema fil-bnazzi u fil-maltemp.” 

    Suldat fil-Gwerra l-Kbira

    Fl-1914, Pertini beda jistudja l-liġi fl-Università ta’ Ġenova. Sena wara, l-Italja daħlet fil-Gwerra l-Kbira biex tiddefendi l-fruntieri tat-Tramuntana minn invażjoni Awstro-Ungeriża. Pertini, bħal ħafna studenti universitarji oħrajn, kien paċifista, iżda obda l-lieva u ntbagħat ma’ reġiment tal-artillerija fl-Isonzo.

    Sal-1917, Pertini sar logutenent iddekorat b’midalja tal-fidda għall-qlubija li wera waqt assalt fuq il-muntanja Jelenik fejn indarab u ttieħed għall-kura ġewwa sptar militari f’Pordenone.

    Fl-1918, fi Trento, sofra minn gass tossiku fosġenu u kien salvat minn sieħbu li ġarru fuqu, agonizzanti, lejn l-isptar tal-kamp imma dan kellu jhedded lit-tobba b’pistola meta dawn ma ridux jgħinuh għax raw li ma kienx hemm tama għal Pertini. Wara għamel xi żmien fid-Dalmazia, u f’Marzu 1920, seta’ jitlaq mill-armata.

    Soċjalist kontra Mussolini

    Fl-1918, kif intemmet il-gwerra, bdiet il-karriera politika ta’ Pertini. Huwa ssieħeb fil-Partit Soċjalista u ġie elett kunsillier ta’ Stella, belt twelidu. Kompla l-istudji sakemm iggradwa fil-liġi mill-Università ta’ Modena, u fl-1924 fix-xjenza politika mill-Istituto Cesare Alfieri ta’ Firenze.

    “Kien f’dan iż-żmien li tlift il-fidi,” kien stqarr Pertini mal-patri Franġiskan Marco Malagola. “Fhimt li l-Knisja tiegħi ma tantx kienet kredibbli u koerenti. Wara d-dokumenti mal-Papa ma kinux jittieħdu pożizzjonijiet ċari favur il-ħaddiema u l-klassi tagħhom.” Madankollu, Pertini baqa’ jgħix bi sħiħ il-valuri Insara sal-aħħar ta’ ħajtu u fiż-żmien li kien President kien sar ħabib ħafna tal-Papa Ġwanni Pawlu II li miegħu ġieli mar jiskijja. 

    L-assassinju vili tal-politiku Soċjalista Giacomo Matteotti, li fit-30 ta’ Mejju 1924 kien akkuża lill-Faxxisti ġewwa l-Parlament Taljan li rebħu l-elezzjoni bil-qerq u bil-vjolenza, wassal lil Pertini biex joħroġ qatta bla ħabel kontra r-reġim ta’ Mussolini.

    U hekk mill-ewwel safa fil-mira tal-iskwadristi Faxxisti: l-uffiċju tiegħu ta’ avukat f’Savona kemm-il darba ġie frakassat, darba sawtuh għax kien liebes ingravata ħamra, u darb’oħra għax poġġa kuruna tar-rand f’ġieħ Matteotti. Pertini ġie arrestat għall-ewwel darba bl-akkuża li stampa u qassam klandestinament il-fuljett Sotto il Barbaro Dominio Fascista. Tawh tmien xhur ħabs.

    Iżda l-iskwadristi Faxxisti ma telquhx minuta minn taħt għajnejhom, u kull fejn jiġi wiċċ imb’wiċċ magħhom kien jissawwat. L-agħar xebgħa li qala’ kienet fis-sajf tal-1926, fejn kellu jiġi rikoverat l-isptar. Meta sar attentat fuq ħajjet Mussolini, l-iskwadristi fferoċjaw fuq kull min ma kienx Faxxista, u hekk lil Pertini, wara li kisrulu idu, kellu saħansitra jaħrab minn daru u jistaħba għand xi ħbieb ġewwa Milan.

    Maħrub fi Franza

    Ir-reġim ħarrax il-liġijiet kontra l-attività anti-Faxxista. Kien għalhekk li l-Mexxej tal-Partit Soċjalista Filippo Turati kellu jinħareġ mill-Italja bil-moħbi. Pertini kien ewlieni fit-twettiq tal-ħarba ta’ Turati, u fil-lejl ta’ bejn il-11 u 12 ta’ Diċembru 1926, waqt maltempata tal-biża’, ivvjaġġaw fuq biċċa tal-baħar lejn Korsika u mbagħad qasmu għal Franza.

    F’Pariġi u Nizza, Sandro Pertini ħadem bħala xufier tat-taxi, bennej u bajjad kif ukoll extra fil-ġbid ta’ films Franċiżi. Kompla bl-attività politika barra pajjiżu, iżda ma damx ma weħel xahar ħabs sospiż talli nqabad ixandar fuq radju propaganda anti-Faxxista. Waqt li kien Franza, Pertini ġie kkundannat 10 xhur ħabs minn Qorti Taljana talli ħa sehem fil-ħarba ta’ Turati.

    Lura l-Italja fil-ħabs

    Fis-26 ta’ Marzu 1929, Pertini daħal lura l-Italja b’passaport falz iżda ġimagħtejn wara, reġa’ ġie arrestat f’Pisa wara li għarfu avukat Faxxist. Din id-darba, Pertini ngħata kważi 11–il sena ħabs segwiti minn tliet snin ta’ viġilanza speċjali. 

    Waqt l-għoti tas-sentenza, Pertini qala’ storbju fl-awla meta qabad jgħajjat “Viva il Socialismo!” u “Abbasso il Fascismo!” Huwa għex dak li kien jipprietka: “Kun dejjem, f’kull ċirkostanza u quddiem kulħadd, bniedem liberu u biex tkun hekk kun lest saħansitra tħallas kwalunkwe prezz.”

    Pertini marad ħafna fil-ħabs ta’ Turi f’Bari – fejn hemmhekk sar ħabib tal-famuż Antonio Gramsci – u kien għalhekk li fl-1932 ġie trasferit għal Pianosa, gżira sptar-ħabs, fejn xorta l-kundizzjoni ta’ saħħtu ma tjibitx. Meta ommu Maria, inkwetata dwar saħħet binha, talbet maħfra lill-awtoritajiet, Pertini irreaġixxa hekk: “Il-maħfra li talbet ommi tumiljani profondament. Ma nassoċjax ruħi ma’ talba bħal din, għax hekk intebba’ t-twemmin politiku tiegħi, li għalija huwa importanti iktar minn kollox, anke minn ħajti.” 

    Ikkundannat għall-Mewt min-Nażisti

    Pertini nħeles biss mill-ħabs, ftit jiem wara l-waqgħa tal-Faxxiżmu, f’Awwissu 1943. Mill-ewwel, huwa mar Ruma biex jorganizza mill-ġdid il-Partit Soċjalista. Pertini sar Viċi Segretarju tal-Partit u bla telf ta’ ħin ingħaqad mal-milizzja tal-Comitato di Liberazione Nazionale li kienu qed jiġġieldu gwerra ċivili qalila biex jeħilsu lill-Italja mill-qawwiet Nażi-Faxxisti li ma ridux jerħu l-poter minn idejhom.

    Din id-darba, ġie arrestat u kkundannat għall-mewt min-Nażisti. Fil-25 ta’ Jannar 1944, Pertini u partiġjani sħabu ġew megħjuna jaħarbu mill-ħabs u ngħaqdu fil-ġlieda biex inħelset Firenze. Il-partiġjani komplew telgħin lejn it-Tramuntana tal-Italja jimbuttaw lit-truppi Nażisti ’l barra. F’Turin, iltaqa’ max-xebba partiġjana Carla Voltolina, li wara sentejn jgħixu flimkien, ingħaqdu fiż-żwieġ. Fl-1945, bħala kmandant partiġjan Pertini mexxa l-assalt ta’ Milan u wara ħa sehem fil-vot ta’ kundanna għall-mewt ta’ Mussolini.

    Soċjalist fl-Assemblea Kostitwenti

    Wara li l-Italja ma baqgħetx iktar monarkija u saret repubblika, Pertini kien elett deputat fl-Assemblea Kostitwenti f’isem is-Soċjalisti, senatur fl-ewwel leġislatura u deputat f’dawk ta’ wara, elett f’kull elezzjoni mill-1953 sal-1976. Għal żewġ leġislaturi konsekuttivi, mill-1968 sal-1976, serva ta’ Speaker jew President tal-Kamra tad-Deputati.

    Esponent demokratiku u riformista tas-Soċjaliżmu Taljan, matul il-karriera tiegħu, Pertini, ħadem biex jikber il-Partit Soċjalista u għall-għaqda bejn is-soċjalisti Taljani, u ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-qasma tal-1947 bejn is-soċjalisti u s-soċjaldemokratiċi. 

    Presidenza mhux tas-soltu

    Fl-1978, il-Parlament Taljan għażel lil Pertini bħala President tar-Repubblika, meta diġà kellu 82 sena. Huwa kiseb l-ikbar maġġoranza fl-istorja parlamentari repubblikana: 82%. L-istil presidenzjali ta’ Pertini kien kollox barra konvenzjonali. Ir-rabta tiegħu mal-poplu Taljan kienet waħda diretta. Kien jieqaf jitkellem man-nies, imqar biex isellem jew biex jagħti karezza lil tifel. 

    Kien ħaġa waħda mat-Taljani (u anki mal-Maltin, niftakarni anki jien insegwi) imwaħħlin mas-sett tat-televiżjoni fis-sigħat terribbli meta ċ-ċkejken Alfredo baqa’ mwaħħal f’dak il-bir qrib Vermicino li ma qatt ma ħareġ ħaj minnu, f’Ġunju 1981.

    Kien qanqal lill-pajjiż bid-diskors tiegħu wara t-terremot tal-Irpinia, b’subgħajh ippuntat biex jikkundanna l-fatt li l-għajnuna waslet tard. Kien impenjat kontra l-mafja, favur is-solidarjetà mal-ħaddiema, id-difiża tal-libertà, fl-appelli lejn iż-żgħażagħ biex iħajjarhom jiġġieldu ħalli jibżgħu għad-drittijiet miksuba b’tant sagrifiċċji minn nies bħalu, li kienu għexu l-ħabs u l-eżilju. “Din id-demokrazija ksibnieha bid-demm u bil-ħabs. Ma nistgħux nirriskjaw li nitilfu l-libertà tort ta’ dawk li jużawha biex jisirqu.”

    Sandro Pertini temm il-mandat tiegħu fl-1985, u ħalla din id-dinja fl-24 ta’ Frar 1990, fl-età ta’ 94 sena. Martu, ġurnalista u impenjata f’ħidma soċjali, u li kienet 25 sena iżgħar minnu, mietet fl-2005, ta’ 84 sena, u difnuha maġenbu fiċ-ċimiterju ta’ Stella.

    F’intervista li kien ta fl-1973 lil Oriana Fallaci kien qalilha hekk: “Meta kont għadni żagħżugħ, jien għamilt għażla, u kieku nista’ nerġa’ lura, nagħmel l-istess għażla. Għax kienet għażla tajba. Meta jkolli mmur xi riċeviment u nara dawk il-professjonisti sinjuri nitħassarhom wisq. Għamlu l-flus, iva. Kisbu s-suċċess u l-poter. B’danakollu huma frustrati għax intebħu li kellhom ħajja vojta.”

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook