Iggradwat ta’ 82 sena u xorta għadha għatxana għat-tagħlim

  • Fra 20, 2020 15:51
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Minkejja l-età avvanzata tagħha, billi llum tgħodd it-88 sena, Doris Cannataci għadha attiva ferm fis-soċjetà u tara li żżomm ruħha okkupata l-ħin kollu tant li fost il-ġimgħa hija qiegħda tattendi għal-lectures tat-terza età u għal programmi tal-Lifelong Learning kif ukoll attwalment tinsab fit-tielet sena tal-kors tal-Ispanjol. 

    Il-pożittività tagħha lejn il-ħajja u l-għatx li għandha għat-tagħlim wassluha biex saħansitra tiggradwa ta’ 82 sena. Iżda dan mhux biss. Doris imbagħad iddeċidiet li tikteb ktieb - li jismu “I Remember I Remember… years gone by” - fejn wieħed isib fih l-esperjenzi diversi, kemm dawk pożittivi u oħrajn mhux daqstant pożittivi, li hija għaddiet minnhom tul ħajjitha. 

    Iltqajna ma’ Doris fir-residenza tagħha f’Tas-Sliema fejn qaltilna li hija tħobb iżżomm ruħha attiva ħafna, u li fil-ħin liberu tagħha toqgħod taqra, tistudja u tirriċerka. Doris tgħid li żewġha miet f’Lulju tal-2013, wara li kien ilu xejn inqas minn 14-il sena marid, u li s-sena ta’ wara hija ssottomettiet t-teżi tagħha tad-dottorat.

    “Bl-għajnuna ta’ Alla għamiltha. Meta spiċċajt it-teżi u gradwajt, kelli ħafna ħin fuq idejja. Bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi x’se nagħmel. Kien għadu żmien ta’ luttu għalija u ridt naljena b’xi ħaġa. Jiena pożittiva ħafna bħala karattru u napprezza kollox. Għedt ħa nibda nikteb ftit ħsibijiet fuq l-affarijiet li għaddejt minn ħajti. Għalhekk iddeċidejt li nikteb l-istorja ta’ ħajti,” qalet Doris li ddeċidiet li tiġbor l-esperjenzi tagħha fi ktieb. F’dan il-ktieb wieħed isib il-ħajja normali ta’ familja Maltija tas-seklu 20, il-ħajja kif għexitha Doris minn meta kienet għadha tifla.

    Saqsejniha wkoll kemm huwa importanti li l-anzjani tagħna jibqgħu attivi fis-soċjetà, b’Doris tgħid li: “huwa importanti ħafna li tibqa’ attiva, jekk jista’ jkun anke fiżikament. Jiena kont ukoll ngħum ħafna u kont nilgħab it-tennis. Bħalissa nħobb l-iktar nimxi.”

    “Fi żmien il-Gwerra kellna mmorru Għawdex”

    Doris tkellmet magħna wkoll dwar l-esperjenza tagħha tat-Tieni Gwerra Dinjija. Hija qalet li: “l-memorja li għandi hi meta konna evakwajna lejn Għawdex. Id-dar li kellna Malta kienet waqgħet biċċa minnha u ma stajniex nibqgħu ngħixu fiha. Sibna differenza enormi għax minn dar komda kellna mmorru f’dar li fiha kellna biss żewġt ikmamar.

    Kompliet tgħid li: “hemm għamilna xelter tagħna fil-Gwerra. Li niftakar kont għadni daqsxejn ta’ tifla. Kelli tmien snin. Skejjel kienu ftit u l-affarijiet kienu skarsi ħafna. Domt is-snin wara l-Gwerra nqum u nagħmel idi ma’ widnejja nisma’ l-bombi niżlin.”

    “Jiena prone għall-bronkite. Mill-umdità tax-xelter ħadt pneumonia u kont qed inmut. Darba kienu ħasbuni li mitt. Kienu għamluli kuruna ma’ jdejja mbagħad ma nafx kif qomt nimxi.” 

    “Is-solitudni lanqas biss noħlom biha”

    Meta staqsejniha x’inhuma l-kummenti tagħha dwar is-solitudni, Doris enfasizzat li s-solitudni lanqas biss toħlom biha. “L-anzjanità mhijiex marda imma proċess naturali tal-ħajja. Ikollok ċans tagħmel l-affarijiet li dejjem ħlomt li tagħmel u ma tkunx għamilthom. Għalhekk jiena komplejt bl-istudju.”

    Hija qalet li l-anzjani għandhom diversi modi ta’ kif jistgħu jżommu ruħhom okkupati matul il-ġurnata. Fost oħrajn billi iwettqu ħidma volontarja, jaqbdu xi passatemp jew jitgħallmu xi lingwa ġdida, iżomm ħajja soċjali attiva u jitħallat ma’ ħaddieħor billi l-bniedem mhux maħluq biex jgħix ħajja solitarja.

    “Illum hawn il-kompjuter. Jiena tgħallimt nużah ukoll. Min ma jħobbx jaqra jista’ jagħmel affarijiet oħra biex jaljena. Fil-ħajja trid dejjem tkun pożittiv,” żiedet tgħidilna Doris. 

    “Qatt mhu tard biex titgħallem”

    Dwar l-esperjenza tagħha meta ġiet biex tidħol l-Università, Doris tgħid li, “dak iż-żmien ma kienx bħal-lum. L-università ma kinitx tiftaħ kull sena imma kull tliet snin. Meta ġejt biex nidħol fl-1949 kienet għadha kif bdiet u kelli nistenna sentejn. Peress li kont l-unika tifla f’dawk is-sentejn mardet ommi u l-ewwel dover tiegħi kien li ndur biha. Imbagħad tgħarrast iżżewwiġt kelli familja. 

    “Dejjem xtaqt nistudja u meta kelli 60 sena, għedt issa wasal iċ-ċans u ħa nmur nipprova nagħmel basic theology l-Istitut Kattoliku. Mort u għamilt sena u affaxinajt ruħi. Imbagħad tħalt l-Università, kont inmur darbtejn fil-ġimgħa evening classes l-Università għax matul il-ġurnata kelli l-familja.”

    Doris kisbet l-ewwel baċellerat tagħha fl-1998 u sussegwentement irnexxielha wkoll iġġib il-Masters fl-Istudji Reliġjużi. Hija ssoktat bl-istudji tagħha fejn irnexxielha wkoll tikseb it-tieni masters tagħha, did-darba s-suġġett li għażlet kien dak tal-liturġija. Sitt snin ilu, hija ssottomettiet it-teżi tagħha u eventwalmet ġabet id-dottorat.

    “Il-motto tiegħi huwa li qatt mhu tard biex titgħallem. Kull persuna tista’ tgħallmek xi ħaġa fil-ħajja. Bħalissa qed inmur darbtejn fil-ġimgħa nisma’ lectures tat-terza eta’, nhar ta’ Ħamis immur il-Lifelong Learning, qiegħda t-tielet sena fil-kors tal-Ispanjol u nhar ta’ ġimgħa waranofsinhar immur l-Istitut tal-Agostinjani. Hija xi ħaġa li żżomni għaddejja.” 

    Finalment tlabnieha tgħaddi messaġġ lill-qarrejja tagħna. “Lill-qarrejja ngħidilhom li għalija l-kotba jibnu l-imħuħ. L-akbar ħabib tiegħi huwa ktieb tajjeb. M’għandhom jaqtgħu qalbhom qatt. Anke jekk issib diffikultà fil-bidu trid tkompli u jekk ma ssibx illum għandek l-għajnuna. Illum kulma jridu jsibu. Ninkoraġġihom biex ma jaqtgħux qalbhom. Mill-qari jitgħallmu ħafna,” temmet tgħid Doris Cannataci.

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook