Il-Partit Demokratiku Amerikan ... min se jirrappreżentahom fl-elezzjoni presidenzjali?

  • Fra 19, 2020 08:00
  • Miktub minn Ruben Briffa

     

    Fl-4 ta’ Frar li għadda, il-Partit Demokratiku Amerikan beda l-hekk imsejħa Caucuses. Dawn huma speċi ta’ elezzjonijiet statali biex id-delegati lokali tal-partit jagħżlu lill-kandidat li huma jixtiequ li jirrappreżentahom fl-elezzjoni presidenzjali. L-ewwel minn din is-sensiela ta’ elezzjonijiet, fi ħdan il-Partit Demokratiku, saret fl-istat ta’ Iowa, li jinsab fil-punent tal-Istati Uniti. 

    Bidu umiljanti

    Fl-ewwel elezzjoni li saret biex jiġi magħżul il-kandidat presidenzjali tal-Partit Demokratiku, li sejjer jisfida lil Donald Trump fl-elezzjoni Presidenzjali li se ssir f’Novembru li ġej, il-Partit Demokratiku beda fuq nota ferm ħażina, Dan minħabba li waqa’ waħda kbira għaċ-ċajt mal- elettorat esiġenti Amerikan, wara li xi ħaġa li saret titqies bħala standard f’kull elezzjoni li ssir madwar id-dinja, jiġifieri s-software elettroniku li permezz tiegħu jiġi mħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni kważi b’mod immedjat mat-tmiem tal-votazzjoni, ma ħadimx sew u b’hekk ir-riżultat dam ma ħareġ. Naturalment, ma naqsitx it-tweet regolari min-naħa ta’ Donald Trump mimlija sarkażmu fuq dak li ġara wara l-votazzjoni f’Iowa. Trump żgur għandu jirringrazzja bil-kbir lil Shadow Inc, il- kumpanija li pprovdiet din l-App, li umiljat lill-partit rival tiegħu.

    Ir-riżultat ta’ Iowa

    Wara li fl-aħħar ħareġ ir-riżultat tal-għadd tal-voti, li kellu jsir bis-sistema antika tal-garżelli u bil-voti jingħaddu bl-idejn, kien hemm sorpriza bir-rebħa ta’ Pete Buttigieg, il-kandidat żagħżugħ li oriġina minn familja Maltija mill-Ħamrun. Buttigieg, kontra kull mistenni rnexxielu jegħleb l- isfida tal-veteran Bernie Sanders, li ġie t-tieni u tal-ex Viċi President ta’ Barak Obama, il-veteran l-ieħor, Joe Biden, li minkejja l-istatura politika tiegħu, ġie biss fir-raba’ post, wara Elizabeth Warren.

    Ir-rebbieħ tal-elezzjoni ta’ Iowa, Pete Buttigieg issorprenda bil-kbir għall-bidu daqshekk tajjeb tiegħu minħabba l-età żagħżugħa tiegħu ta’ 38 sena u minħabba li huwa ħareġ fil-miftuħ li huwa persuna gay li saħansitra żżewweġ raġel ieħor. Dan is-suċċess ta’ Buttigieg ma ġiex mix-xejn għalhiex huwa nefaq ħafna flus fil-kampanja tiegħu ġewwa Iowa. Però, fl-Istati Uniti, l-kandidat li jkun ġabar ħafna flus għall-kampanja elettorali tiegħu minn dejjem jibda jitqies bħala kandidat validu.

    Partit maqsum

    L-iskop ewlieni ta’ dawn l-elezzjonijiet huwa li jinstab il-kandidat ideali li jgħaqqad liż-żewġ fazzjonijiet ewlenin tal-Partit Demokratiku li minn dejjem kien qasmu lil dan il-partit fi tnejn. Fazzjoni minnhom timbotta politika aktar xellugija filwaqt li l-fazzjoni magħrufa bħala dik tal-moderati temmen aktar f’politika li taqa’ fiċ-ċentru tal-ispektrum ideoloġiku. 

    Filwaqt li din il-qasma, kif diġa’ għedna ilha teżisti żmien twil, id-differenzi politiċi ta’ bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ politiċi Demokratiċi issa ħarġu aktar ċari. Fil-fatt, bejniethom teżisti differenza saħansitra fuq l-iskop ewlieni ta’ din l-elezzjoni. 

    Il-moderati qegħdin jgħidu li l-bidla li hemm bżonn li sseħħ fil-politika Amerikana hija waħda li filwaqt li żżomm l-istrutturi eżistenti tmur aktar lejn ix-xellug. Dan jista’ jsehh billi jiddahlu aktar principji Socjal- Demokratiki. 

    Fuq in-naħa l-oħra, għandek lill-grupp l-ieħor, li kif diġa’ għedna għandu twemmin li jxaqleb aktar lejn dak Soċjalista pur, li jrid jagħmel tibdiliet strutturali kbar ta’ kif għandhom ikunu mmexxija l-Istati Uniti. Dan għandu l-iskop ewlieni li jneħħu l-immaġini li l-partit tagħhom huwa partit tal-establishment. 

    Dan wara li r-raġuni prinċipali li ħarġet minn ħafna rapporti tat-telfa ta’ Hillary Clinton, fl-elezzjoni presidenzjali li għaddiet, kienet il-percezzjoni tan-nies li Clinton kienet tifforma parti mill-establishment Amerikan.

    X’qegħdin joffru l-kandidati prinċipali

    Naturalment, l-erba’ kandidati li ġew fl-ewwel erba’ postijiet fl-ewwel causus ġejjin minn dawn il-fazzjonijiet. Is-suċċess finali jista’ jkun iddetterminat minn kemm il-kandidati sejrin ikunu kapaċi jibnu l-pontijiet lejn il-fazzjoni l-oħra, kif ukoll lejn dawk il-votanti Repubblikani moderati.

    Minkejja li fil-bidu tal-karriera politika tiegħu Pete Buttigieg kien ixaqleb lejn il-fazzjoni xellugija ta’ Sanders, issa l-proposti ta’ Buttigieg huma kolla bbażati fuq politika ta’ moderazzjoni u ta’ kompromessi. 

    Jekk nibdew bl-iskema tal-Medicare, li kien daħħal il-president Obama u li issa ilha tkun l-issue ewlenija f’kull elezzjoni presidenzjali, Buttigieg qiegħed jgħid li jixtieq li n-nies ikollhom l-għazla jekk jużawx is-sistema governattiva tas-saħħa jew jekk jużawx xi forma oħra ta’ assigurazzjoni biex jiffinanzjaw il-ħtiġijiet mediċi tagħhom. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-pjan ta’ Sanders, li jrid li kull ċittadin Amerikan jagħmel użu mis- sistema tal-gvern. 

    Buttigieg mar ukoll għat-triq tan-nofs f’dik li hija l-politika rigward l-edukazzjoni terzjarja, meta qiegħed jipproponi sussidji aktar adekwati għall-istudenti fqar, filwaqt li Sanders qiegħed jipproponi sussidji edukattivi b’xejn għal kulħadd. L-istess jista’ jingħad għall-proposta taċ-child care b’xejn, li fuqha Buttigieg qiegħed jipproponi żieda fil-flus ivvotati għaliha għal dawk il-ġenituri li huma l-aktar fil-bżonn filwaqt li Sanders qiegħed jipproponi skema ta’ sussidju għaċ-child-care mingħajr l-ebda forma ta’ dipendenza tal-eleġibiltà li wieħed jieħu dan is-sussidju, fuq id-dħul.

    Rigward il-politika ambjentali, filwaqt li l-kandidati Demokratiċi ewlenin qegħdin joffru politika ferm aktar loġika minn dik ta’ Trump, li saħansitra qiegħed jiżżufjetta bil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, Buttigieg ippropona investiment kbir ta’ madwar żewġ triljun dollaru, li hija meqjusa bħala t-triq tan-nofs meta imqabbla mal-proposti tal-kandidati l-oħra, fejn rajna lil Sanders jipproponi investiment enormi ta’ 10 triljun dollaru u lil Warren li pproponiet investiment kolossali ta’ 16-il triljun dollaru għall-protezzjoni tal-ambjent dinji.  Naturalment, qatt ma huwa biżżejjed li wieħed jinvesti fil-protezzjoni tal-ambjent, però ħafna ekonomisti qalu li l-pjani taż-żewġ kandidati xellugin, jiġifieri Warren u Sanders, jafu ma jkunux fattibli ekonomikament. Għalhekk, il-proposta ta’ Buttigieg, li jinvesti kemmxejn aktar minn Joe Biden u ħafna aktar minn dak li kienet ipproponiet Hillary Clinton fil-programm elettorali tagħha fl-elezzjoni li għaddiet, tidher l-aktar waħda realistika. Saħansitra, Buttigieg ħabbar il-mod ta’ kif sejjer jiffinanzja dan l-investiment billi sejjer idaħħal Carbon Tax li biha jintaxxa l-użu ta’ fjuwils li jħammġu.

    Fuq nota aktar progressiva,  Buttigieg qiegħed jipproponi l-legalizzar tal-użu tal-marijuana, l-istess bħal Warren u Sanders. Filwaqt li l- proposti ta’ Buttigieg huma simili ħafna ma’ dawk ta’ Biden, fuq din il-kwistjoni Buttigieg u Biden mhumiex jaqblu.

    Fuq il-politika tal-kummerċ, għal darb’oħra, Buttigieg ħareġ bħala l-aktar kandidat moderat billi qiegħed jimbotta politika anqas miftuħa minn dik ta’ Biden iżda b’ħafna anqas protezzjonijiet minn dik ta’ Sanders. Fuq kollox, Buttigieg ħareġ kontra l-politika ta’ Biden li jitneħħew kull forma ta’ tariffi fil-kummerċ maċ-Ċina. Il-kontrolli li qiegħed jipproponi Buttigieg huma ferm anqas minn kemm qegħdin jipproponu Warren u Sanders u fuq kollox mir-ruxmata tariffi li daħħal Trump.

    Fuq il-politika tax-xogħol, Buttigieg qiegħed jistieden lit-trade unions biex ikollhom ċertu sehem  fl-iżvilupp tal-ekonomija iżda huwa kontra l-proposta ta’ Sanders li jkun hemm rappreżentanti tal-ħaddiema fil-bordijiet tal-kumpaniji skont il-mudell Soċjalista. Buttigieg ma jaqbilx ukoll ma’ Sanders fuq il-proposti ta’ dan tal-aħħar li l-ħaddiema jkollhom madwar għoxrin fil-mija tal-ishma tal-kumpanija li jaħdmu fiha. F’artiklu ieħor, f’din il-paġna, konna rajna li proposta simili li kienet saret minn Jeremy Corbyn waqt il-kampanja elettorali għall- elezzjoni ġenerali li saret dan l-aħħar fir-Renju Unit, ma ġietx milqugħa mill-votanti Ingliżi.

    Buttigieg u Sanders

    Minkejja r-rebħa ta’ Buttigieg f’Iowa, fil-caucus ta’ wara, li sar fl-istat ta’ New Hampshire, Sanders għeleb lil Buttigieg, li xorta mar tajjeb, billi ġie t-tieni, b’Biden jispiċċa fil-ħames post, wara Amy Klobuchar u Warren. Minkejja li Sanders ħareġ rebbieħ fi New Hamphire, xorta ma ġabx il-voti li kien mistenni jġib skont is-surveys li saru dan l-aħħar.

    Naturalment, Sanders jibqa’ l-favorit li sejjer ikun ir-rebbieħ finali minkejja l-età avvanzata tiegħu ta’ 78 sena. Dan minħabba li diġà għandu l-esperjenza ta’ elezzjoni bħal din meta kien qata’ figura ferm tajba fil-ġlieda li kellu ma’ Hillary Clinton fil-primarji għall-elezzjoni presidenzjali li għaddiet. 

    Il-kariżma ta’ Sanders tappella ferm għall-votanti żgħażagħ, li qegħdin jirrikorru bil-kbir għar-rallies tiegħu. Fuq kollox, il-proposta ta’ Sanders li jaħfer kważi żewġ triljun dollaru fi djun li għandhom studenti Amerikani minħabba l-istudji tagħhom, żgur li kompliet iżżid il- popolarità ta’ Sanders maż-żgħażagħ. Biss, dawn il-proposti ta’ Sanders jidhru li sejrin joħolqu defiċit fil-finanzi ta’ triljuni ta’ dollari.

    Il-politika proposta minn Buttigieg tidher ħafna aktar realistika minn dik tal-kandidati ewlenin l-oħra. Fuq kollox jidher li Buttigieg huwa l-uniku kandidat li qiegħed jesplora l-possibiltajiet kollha biex jilħaq votanti ġodda, kemm mill-fazzjoni xellugija fil-Partit Demokratiku, kif ukoll mill-Partit Repubblikan. L-uniku mod kif il-Partit Demokratiku jista’ jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali li jmiss huwa li jingħaqad u l-aktar kandidat li s’issa jidher li għandu l-kredenzjali li jagħmel dan huwa Pete Buttigieg. Min jaf huwiex sejrin ikollna president Amerikan ta’ nisel Malti?

     

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook