Tobba jissuġġerixxu kontrolli fuq passiġġieri fl-ajruport … il-vittmi tal-Coronavirus jaqbżu l-mija

  • Jan 28, 2020 08:55
  • Miktub minn Carmen Cachia

    “Aħjar jekk Malta tieħu prekawzjoni” ... Id-WHO tammetti li l-Coronavirus huwa theddida mondjali

    Tobba Maltin tkellmu fuq il-midja soċjali dwar it-theddida tal-Coronavirus, il-virus qattiel li oriġina fiċ-Ċina u s’issa huwa mifhum li nfirex f’madwar 10 pajjiżi oħra, inkluż f’uħud fl-Ewropa. Kemm Dr Anthony Buttigieg, tabib li kien imexxi l-Partit Demokratiku, kif ukoll Dr Frank Portelli wissew dwar tixrid minn passiġġieri lejn Malta minn pajjiżi milquta u jemmnu li aħjar jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni qabel ma jkun tard wisq.

    Fil-kumment tiegħu fuq Facebook, Dr Anthony Buttigieg qal li l-awtoritajiet lokali ħabbru li r-riskju li dan il-virus jinxtered f’Malta huwa minimu, iżda żied jgħid li minħabba li Malta sar pajjiż kożmopolitan b’numru kbir ta’ ħaddiema u studenti Ċiniżi f’Malta, ikun aħjar jekk inkunu kawti bħalma qegħdin ikunu pajjiżi oħra. Dan billi l-passiġġieri li jidħlu f’Malta, jiġu mistoqsija jekk riċentement kienux fiċ-Ċina. 

    Buttigieg saħaq li ma jfissirx li għax m’għandniex titjiriet diretti għal u min ġoċ-Ċina, in-nies ma siefrux lejn dawn iż-żoni u li, “ikun aħjar li nikkontrollaw l-affarijiet minn qabel, aktar milli naraw kif niffaċċjawhom meta jseħħu”.

    Dr Frank Portelli min-naħa tiegħu assigura li ċ-Ċina ħadet bis-serjetà l-kriżi tal-Coronavirus iżda jħoss li hemm miżuri ta’ prevenzjoni li jistgħu jgħinu biex ikun ikkontrollat it-tixrid ta’ din il-marda. Fosthom dawn hemm li jkun hemm diżinfettanti tal-idejn fi spazji pubbliċi; li l-arja fuq l-ajruplani tinbidel kompletament mhux 50% biss; ikunu sterilizzati l-ajruplani u li l-pajjiż ikun fuq alert. 

    Bħala professjonist fil-qasam mediku, huwa ta dettalji tal-virus fejn qal li l-Coronavirus beda fiċ-Ċina u għall-ewwel kien jinxtered mill-annimali iżda issa, qiegħed jittieħed minn bniedem għall-bniedem. L-inkubazzjoni tieħu sa 14-il ġurnata fejn persuna tkun bla sintomi. Wara l-marid jibda jħoss diversi sintomi li jinkludu wġigħ fil-muskoli, bard, sogħla, deni u fl-aħħar pnewmonja. Ir-rata tal-mortalità fost il-pazjenti Dr Portelli qal li hija ta’ 3%. 

    Minħabba li l-Coronavirus jittieħed mill-għatis u sogħla fost l-oħrajn, dan it-tabib jissuġġerixxi li bħala prekawzjoni għall-ħarsien tas-saħħa personali, għandna naħslu jdejna regolarment, nevitaw li noqogħdu viċin persuna marida u li tintlibes il-maskra. Fil-kummenti tiegħu huwa qal li nstabet is-sekwenza tad-DNA u li allura dalwaqt għandhom joħorġu vaċċin kontra l-virus.

    Fuq nota differenti, deher kumment ieħor dwar il-kriżi tal-Coronavirus mill-President tal-MUMN, Paul Pace. Iċ-Ċina ħabbret li, bil-għan li tilqa’ għall-kriżi tas-saħħa li qiegħda tiffaċċja minħabba numru kbir ta’ każi, bniet sptar speċjalizzat fi żmien 16-il siegħa u qiegħda tibni ieħor li mistenni jitlesta f’sitt ijiem. Pace rigward dan, ikkummenta li pajjiżna biex bena Mater Dei dam 12-il sena, mentri ċ-Ċina kulma għandha bżonn huwa ta’ ġimgħa biss. Barra minnhekk, huwa qal li wieħed m’għandux jinsa li biex tittranġa sala f’Monte Carmeli, f’Malta ndumu sentejn.

    In-numri jibqgħu tilgħin…

    L-aħħar statistiċi uffiċjali juru li n-numru tal-vittmi fiċ-Ċina issa tela’ għal 106, mentri dawk infettati huma 4,515 persuna. Barra ċ-Ċina, s’issa huwa rrapportat li hemm aktar minn 50 każi kkonfermati fi 13-il pajjiż differenti. 

    Issa l-esperti fil-qasam tas-saħħa, qegħdin iwissu li jista’ jkun hemm mal-100,000 persuna li diġà huma infettati bil-virus. Espert fl-epidemiji minn Hong Kong, il-Professur Gabriel Leung, qal li n-nies iridu jkunu ppreparati li l-Coronavirus jinfirex f’epidemija globali. 

    Sadanittant il-bieraħ filgħaxija l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ammettiet li għamlet żball “fil-mod kif użat il-kliem” meta qalet li l-Coronavirus ma kienx ta’ theddida serja. Fil-fatt fl-istqarrija d-WHO iddikjarat li l-epidemija hija ta’ theddida globali.

    Realtà moħbija…

    Sadanittant rapporti qegħdin isostnu li r-realtà tas-sitwazzjoni fiċ-Ċina hija ferm differenti minn dik li qegħdin iħabbru l-awtoritajiet lokali. Fiċ-Ċina, infermiera impenjata tikkura pazjenti morda b’dan il-virus, tellgħet vidjow fejn qalet li l-awtoritajiet lokali m’humiex jgħidu l-verità dwar kemm hemm każi u sostniet li fil-verità hemm 90,000 persuna infettata bil-Coronavirus. 

    L-awtoritajiet Ċiniżi rribattew li huma mxew bi trasparenza totali dwar il-kriżi, iżda huwa rrapportat li għadd ta’ vidjows qegħdin jitneħħew mill-midja soċjali biex ir-realtà tas-sitwazzjoni tibqa’ moħbija. 

    Vidjow onlajn ieħor li tneħħa ftit wara, wera pazjenti morda bil-Coronavirus bilqiegħda bejn tankijiet tal-ossiġinu u drips impoġġija ħdejn tliet kadavri mgħottija bil-lożor.

    Ritratt: businessinsider

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook