Lesta għal ritorn kbir fil-kant

  • Jan 25, 2020 16:27
  • Miktub minn Cristian Muscat

    Nintervistaw lil Lyndsay Pace - kantanta stabbilita f'pajjiżna b’passjoni kbira lejn l-imħabba u l-kant li aktar tard matul din is-sena se tkun qed tniedi single ġdida u tħossha vera kuntenta li se tagħmel comeback kbira fil-karriera tagħha.

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?

    Jiena minn dejjem kelli passjoni kbira għall-mużika u dan kien evidenti minn età relattivament żgħira. Nista’ nghid li t-talenti tiegħi kienu ġew rikonoxxuti b'mod ċar hekk kif bdejt nuri interess qawwi fis-suġġetti ta' drama, żfin u kant imbagħad b'hekk proprju ddeċidejt li nieħu lezzjonijiet biex nevolvi u nikber iktar b’mod professjonali. 

    Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek f'X Factor Malta matul is-sena li għaddiet.

    L-esperjenza tiegħi f'X Factor Malta kienet waħda pożittiva u mpjenattiva ħafna li żgur li mhu se ninsa qatt! Tgħallimt ħafna fatturi wkoll meta proprju għaqqduni mal-grupp ‘Xtreme’ bħal kemm huwa importanti li taħdem ma’ kantanti oħra u kemm ma tridtx tibża' tipprova affarijiet differenti. Bla dubju nista' ngħid li kienet tassew opportunità tajba għall-kantanti lokali u ma stajtx ma nieħux ċans f’kompetizzjoni internazzjonali bħal din!

    Għalkemm kontu qed tikkompetu kontra xulxin bħala kantanti, deher li kien hemm għaqda kbira bejnietkom. Tikkonferma dan?

    Bħala grupp konna mmorru tajjeb ħafna flimkien u dan kien jidher meta konna nagħtu l-wirjiet tagħna u anke proprju wara l-kwinti. Dejjem konna naqsmu l-ideat ta’ bejnietna u ngħinu lil xulxin meta jkun hemm bżonn però naħseb li l-iktar ħaġa pożittiva li kien hemm bejnietna kienet li kellna direzzjoni ċara sa mill-bidu nett u dejjem konna nafu x’ridna noffru bħala grupp speċjalment meta jidħol l-istil tal-mużika. Kien verament pjaċir tiegħi li naħdem magħhom!

    Għaliex ma ħadtx sehem matul din is-sena?

    Din id-darba ddeċidejt li ma nerġax nieħu sehem f'X Factor Malta għar-raġuni li rnexxieli nasal sal-‘live shows’ fejn ikkwalifikajna mal-aqwa għaxar kantanti flimkien mal-grupp ‘Xtreme’ u din kienet kisba kbira għalija. Xtaqt ukoll nagħti ċans lill-kantanti ġodda għax naħseb li għad baqagħlna ħafna talent x’niskopru f’pajjiżna!

    Taħseb li fil-futur tkun tista' taħdem esklussivament bħala kantanta? U kemm hu diffiċli li tagħmel dan f’Malta?

    Jien naħseb li fil-ħajja xejn mhu impossibli u jekk vera tixtieq xi ħaġa, trid verament tkun lest li taħdem għaliha. Nemmen ukoll li l-opportunitajiet qegħdin jiżdiedu f’Malta bil-mod il-mod u qatt ma nista’ neskludi l-fatt li jista' jkun hemm iċ-ċans li naħdem esklussivament bħala kantanta fil-futur. Dan huwa l-iskop wara kollox.

    Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u l-kant?

    Jiena nħobb nippjana ‘time management’ u b’hekk inkun nista' naqsam il-ħin tiegħi personali kif suppost u dejjem jirnexxieli nlaħħaq ma' kollox!

    Ġieli jgħaddilek minn rasek li tmur tgħix barra minn Malta sabiex ikollok iktar opportunitajiet? 

    M’hemmx għalfejn ngħidu li l-industrija moderna tal-mużika qed tfittex l-artist komplut u għal din ir-raġuni nista' ngħid li pparteċipajt f’varjetà ta’ workshops / programmi ta’taħriġ tal-mużika bbażati f’Londra. Apparti minn hekk, kelli wkoll diversi opportunitajiet li nkanta barra minn xtutna fosthom meta ntgħażilt mal-finalisti tal-‘Hartbex Carpathia Festival’ ġewwa l-Polonja fis-sajf li għadda u rnexxieli nirbaħ il-premju tal-aqwa kanzunetta ‘Butterfly’ meħuda mill-aħħar EP uffiċjali tiegħi. Dejjem huwa unur tiegħi li nirrappreżenta lil Malta b’dan il-mod u naqsam it-talenti tiegħi f’pajjiżi oħra wkoll! 

    Beħsiebek tniedi aktar singles jew saħansitra album fil-futur?

    Il-pjan uffiċjali huwa album fil-preżent ghaliex din minn dejjem kienet l-ikbar ambizzjoni tiegħi u nista’ niżvela li diġà bdejna naħdmu fuq dan il-proġett ġewwa l-istudio flimkien ma’ produtturi barranin. Din is-sena proprju se nkun qed inniedi wkoll is-single ġdida tiegħi u nħossni vera kuntenta li se nagħmel comeback kbira fil-karriera tiegħi!

    Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-kant u l-mużika.

    Id-dinja tal-mużika għallmitni li nsir ferm aktar kunfidenti u b'saħħti kemm minn aspett personali kif ukoll minn aspett artistiku. Naħseb li trid tkun lesta li taċċetta kull tip ta' kritika u opinjonijiet differenti speċjalment meta tkun persuna pubblika. Tgħallimt ukoll li l-aktar ħaġa importanti hija li dejjem trid temmen fik innifsek u ma tħalli lil ħadd jiskoraġġixxi l-ħolm tiegħek biex tikseb dak li tixtieq fil-ħajja. Dan huwa l-messaġġ tiegħi għaliex fl-aħħar tal-ġurnata naħseb li kull individwu huwa speċjali fil-mod uniku tieghu u kulħadd għandu xi ħaġa x’joffri!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook