Disinn ta’ karru li ħoloq kontroversja

  • Jan 25, 2020 10:35
  • Miktub minn Maria Azzopardi

    Lawrence Grech: Ma nħossnix offiż u ma nqabżitx il-linja tal-libertà tal-espressjoni…

    Lawrence Grech, wieħed mill-11-il persuna li fetħu kawża wara li kienu allegaw li ġew abbużati minn tliet saċerdoti, tkellem magħna wara l-kontroversja li qamet fuq il-karru msejjaħ “L-infern ta’ Jude” b’referenza għat-tieni isem tal-Arċisqof Scicluna. 

    Mistoqsi jekk jaħsibx li nqabżet il-linja tal-libertà tal-espressjoni minħabba l-fatt li fuq il-karru ssemmiet Dar San Ġużepp, Grech qal li, “konvint moralment li lanqas xejn ma nqabżet.  Kien hemm każ fejn patrijiet ammettew abbuż u ntbagħtu l-ħabs. Ma kellhomx għalfejn iwaqqfuh għax fuq Ministri oħra kienu għamlu karru, għaliex l-isqof le?”

    Mistoqsi jekk ħassux offiż mid-disinn ta’ dan il-karru, Grech qal li lanqas xejn ma ħassu offiż, “anzi niċċajta biha ma’ sħabi. Għalija l-aqwa mediċina. Kieku jiena bħal sħabi, qiegħed illum magħluq ġo fija u nisħet il-mument li twelidt imma din l-esperjenza għamlitni raġel, napprezza l-ħajja u ngawdi l-familja.”

    Grech żied jgħid li fl-aħħar mill-aħħar li ġara u li għad irid jiġi huwa kollu tort tal-knisja u l-organizazzjoni li kienet tmexxi għax jisħaq li misshom għalqu l-każ żmien ilu. “Bħal ma kien beda jagħmel l-Isqof Cremona fejn iltaqa’ magħna, għamel apoloġija, beka magħna u ltaqa’ mal-familja u tfal. Biss waqqfuh mill-ewwel u qabdu lil dan l-Isqof.”

    Grech qal li fl-aħħar mill-aħħar, “iktar ħsara qegħdin jitfgħu mill-knisja għax kull darba li jitfaċċa każ fuq il-midja tinfetaħ il-ferita u l-ġenerazzjoni l-ġdida taż-żgħażagħ qegħdin jitbegħdu mill-knijsa.”

    “Aħna l-vittmi taf meta nweġġgħu? Mhux bil-karru tal-Karnival. Imma meta jinfetħu il-bibien ta’ kull sena u ssir l-attività  biex jinġabru ħl-flus. Imorru l-kapijiet tal-Knisja u ta’ Malta kollha. Għandu jsir, għaliex le? Imma mhux hemmhekk… jagħmluh x’imkien ieħor. Hemm tfal, illum irġiel, għadhom imkissrin u jaraw id-dar fejn trabbew huma ssir dak il-burdell mhux xieraq,” sostna Grech.

    Festivals Malta: Il-kumpanija kienet imwissija li d-disinn kellu dettalji u aspetti defamatorji

    Rigward il-karru “L-infern ta’ Jude”, intenzjonat li jipparteċipa fl-edizzjoni tal-karnival ta’ din is-sena, Festivals Malta xtaqet tikkjarifika li tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-kumpanija tal-Karnival relatata kienet diġà ġiet imwissija li d-disinn tal-karru sottomess kien jinkludi dettalji u aspetti defamatorji.

    Festivals Malta rrimarkat li l-isketch ippreżentat lilha kien nieqes minn dettalji oħra li qegħdin ikompu jżidu l-element defamatorju. Għaldaqstant, Festivals Malta nfurmat lill-kumpanija rispettiva li bit-tali produzzjoni, dan il-karru mhux se jkun qiegħed jitħalla jipparteċipa fl-edizzjoni tal-Karnival 2020.

    Fl-aħħar nett, Festivals Malta ddiżassoċjat ruħha minn dawn l-elementi defamatorji filwaqt li sostniet li minkejja li l-artisti llum għandhom il-libertà tal-espressjoni bla preċedent, fl-istess waqt il-parametri tal-liġijiet għandhom dejjem jiġu osservati u rispettati.

    L-Arċisqof: Aktar milli satiriku huwa offensiv u possibilment libelluż

    L-Arċisqof Charles J. Scicluna jirrikonoxxi l-ħidma li ssir mill-artisti u l-voluntiera li jipparteċipaw fil-Karnival u sostna li mhuwiex kontra s-satira fil-kontront ta’ leaders li għandhom rwol pubbliku. Huwa żied jgħid li dan il-karru partikolari, “aktar milli satiriku huwa offensiv u possibilment libelluż.” 

    L-Arċisqof żied jgħid li barra minn hekk, lanqas hu xieraq jew f’postu f’ambjent ta’ ferħ li għalih jattendu ħafna tfal.

    Edukatur: Dan il-karru deher oxxen u vulgari mal-ewwel

    L-eks Sindku tar-Rabat u Edukatur Charles Azzopardi ikkummenta li dan il-karru deher oxxen u vulgari mal-ewwel. “Jekk noħorġu nduru b'dan il-karru-karnival, ma jibqa' ebda skop aktar li noħorġu b'venerazzjoni matul Sajf sħiħ, il-qaddis jew qaddisa min-niċċa. Biex indawruha b'bosta tifħir u daqq tal-banda. Tista' taqbel jew ma taqbilx mal-Arċisqof Gonzi, Mercieca, Cremona jew Scicluna. Forsi xbajna mill-festi, mill-Milied u mill-Ġimgħa l-Kbira wkoll?“

    Azzopardi qal li l-Ministru Herrera ħa deċiżjoni denja bl-intervjenza biex il-karru ma jitħalliex jimmanifesta ruħu fit-toroq tal-Belt. L-Edukatur żied jgħid li s-satira hija aċċettata, dejjem, sakemm warajha ma jkunx hemm l-intenzjoni aħħarija li tweġġa’ jew toffendi s-sentimenti ta’ ħaddiehor.

    Huwa kompla jgħid li, “Irridu nifhmu li l-liberta' għandha wkoll ir-regoli tagħha u għandha wkoll preżż. Hemm linja għal kollox f'kollox. Din qatt m'għandha tinqabeż. Il-knisja f'Malta la hi klabb tal-boċċi, la partit politiku u wisq anqas xi tim tal-futbol.”

    “Il-figuri tat-trabi kienu jirreferu għat-trabi li jitwieldu bil-proċess tal-IVF”

    L-istess karru juri lill-Arċisqof quddiem il-faċċata ta’ istitut u warajh hemm figuri ta’ trabi bil-qrun. Fejn bosta ħasbu li dan sar b’implikazzjoni dwar il-każi ta’ abbużi li seħħew f’din id-dar, wieħed mid-dilettanti tal-karnival qal li l-figuri tat-trabi li jidhru fuq il-karru kienu b’referenza għat-trabi li jitwieldu bil-proċess tal-IVF.

    Intant ilbieraħ stess, wieħed mill-karristi li qed jaħdem fuq il-karru kiteb, “Karnival 2020, aħna hawn qegħdin b’saħħitna iktar minn qabel.”

    Kumment ieħor li ntqal wara li ttella’ r-ritratt tad-disinn tal-karru kien, “ġejna ċċensurati u ma ġewx jaraw x’hemm ġewwa l-maħżen u ma jafux x’fih il-karru. Tara biex temmen. L-aqwa jpeċilqu fil-vojt.”

    Kummenti dwar il-karru; uħud iħeġġu li jsir bojkott

    Kummenti li qanqlu bosta emozzjonijiet, fosthom ta’ rabja, fost id-dilettanti tal-Karnival kienu proprju dawk li jgħidu: “Min hu nisrani jagħmel boycott lill-Karnival” u “dak misshom jaħarqulu”. Waħda minn dawn il-persuni li kitbet kumment minnhom żiedet tgħid, “tibżax id il-Mulej kbira ta’. Jirraħ jagħmlilhom maltemp u jeqridilhom kollox ħalli ma jagħmluhx.”

    Kien proprju wieħed minn dawk li ħadmu fuq il-karru “L-infern ta’ Jude” li kiteb fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħu li, “Qiegħed inħossni mhedded. Hemm bżonn jittieħdu passi.” 

    Bosta dilettanti tal-Karnival sostnew li hemm bżonn li jiġbdu ħabel wieħed. Kumment minn wieħed mid-dilettant qal, “is-satira sabiħa ħafna imma rridu noqgħodu attenti x’temi jsiru fil-karrijiet għax jista’ jkun li għal ċertu nies tkun offiża. Jien nifhem li hemm messaġġ ieħor wara l-karru imma skużi jekk mhux permess għax ma tkellmux qabel l-awtoritajiet. Mela l-ewwel joħorġu l-eluf, imbagħad jgħidlek ma tistax toħroġ il-karru… dawn x’affarijiet huma?”

    Kumment ieħor qal, “dak ir-ringrazzjament li nagħtu lil min jagħmel xhur sħaħ jaħdem biex iġib tbissima fuq wiċċ in-nies u joqgħod il-bogħod minn uliedu u l-familja? U xi ngħidu għal dawk li tilfu ħajjithom biex jagħmlu karru biex ipaxxi l-għajnejn?”

    @tweetembed@

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    John Cassar
    Jan 25, 2020

    Prosit Lawrence! Sfortunatament ghad hawn hafna ghadhom jibzghu mill-babaw

    Irrispondi
  •  

Riċetti

Facebook