Ħidma sfiqa favur iż-żgħażagħ u l-komunità LGBTIQ+

  • Jan 23, 2020 19:43
  • Miktub minn Cristian Muscat

    Nintervistaw lil Eman Borg - Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), kif ukoll president tal-LGBTI+ Gozo, li tant jaħdem favur id-drittijiet taż-żgħażagħ kif ukoll dawk tal-komunità LGBTIQ+. 

    Iddeskrivi l-irwol tiegħek bħala Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ). X'responsabbiltajiet iġorr miegħu dan ir-rwol? X'attivitajiet diversi torganizzaw matul is-snin?

    L-irwol ta' Segretarju Ġenerali fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa wieħed li tani sodisfazzjon kbir. Li taħdem ta' kuljum ma' numru ta' żgħażagħ mimlijin enerġija u ideat tanġibbli u bi pjan tajjeb kien wieħed mill-ħafna raġunijiet għalfejn ikkonestajt bħala membru tal-Kunsill. Huwa rwol li jitlob reqqa u kontabbiltà f'dak li tagħmel kemm għall-membri għaqdiet li huma fi sħab mal-KNŻ kif ukoll ma' organizzazzjonjiet oħra li naħdmu magħhom ta' spiss. F'dawn l-aħħar xhur il-Kunsill organizza numru ta' attivitajiet fuq il-klima, SDGs, Parlament taż-Żgħażagħ, il-kunsilli lokali u anke organizza konferenza internazzjonali bejn żgħażagħ Ewropej u Asjatiċi.

    L-irwol ta' Segretarju huwa li jara li l-pjan ta' ħidma tal-kunsill qed jiġi mwettaq, jagħti pariri u direzzjoni wara kosultazzjoni mal-membru lill-istess membri tal-kunsill, flimkien mal- president, isejjaħ għal-laqgħat kemm interni kif ukoll esterni mal-membri u numru ta' għaqdiet oħra, jirrapreżenta lill-Kunsill barra minn Malta, u jippjana bil-quddiem numru ta' miri li l-kunsill għandu jaspira li jilħaq. 

    Mhux faċli li tikkordina numru ta' attivitatjiet matul is-sena. Dan iktar meta tkun student u b' mod ta' volontarjat, però s-sodsifazzjon li wieħed jieħu meta tara żgħażagħ jikbru u jitgħallmu mill-kunsill u jagħtu l-ideat tagħhom biex jaraw żgħażagħ oħra jipparteċipaw huwa kbir.

    X'tistenna s-soċjetà miż-żgħażagħ tal-lum, u ż-żgħażagħ x'jistennew mis-soċjetà? X'inhu r-rwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà? X'inhu r-rwol tas-soċjetà u ż-żgħażagħ li jipproteġu persuni anzjani?

    Is-soċjetà llum hija waħda vasta b'diversi identitajiet differenti. Bħala żagħżugħ nemmen li ż-żgħażagħ jirrapreżentaw iktar minn identità waħda. Huma membri ta' familja, ħaddiema beżlin u parti minn soċjetà li taħdem għall-ġid ta' soċjetà komuni. Minn numru ta' diskussjonijiet li jkolli maż-żgħażagħ, nista' nesprimi ċerta frustrazzjoni li huma jridu jikkontrobwixxu għas-soċjetà iżda ma jingħatawx l-ispazju li jagħmlu dan b'mod ugwali minħabba l-età tagħhom. Is-sitwazzjoni li llum wieħed rrid jieħu “loan” biex jixtri post u l- istress li qed iġġib il-ħajja mgħaġġla tal-lum qed tpinġi liż-żagħżugħ bħala delinkwenti u egoist. Però, din hija biss idea żbaljata. L-irwol taż-żagħżugħ huwa dak li jaħdem biex jgħix f'pajjiż li huwa denju għall-ħajja tal-lum. Deċiżjonijiet li qed jittieħdu llum se jaffettwaw lilna ż-żgħażagħ u jimponu fuqna deċiżjonijiet li rridu nieħdu aħna fil-futur. 

    Però, x'iridu ż-żgħażagħ mis-soċjetà - iktar djalogu jew iktar azzjoni? Nemmen li taħlita ta' tnejn. Iktar djalogu biex il-leħen taż-żagħżugħ jinstema' però m'għandniex nieqfu hemm. Irid ikun hemm iktar azzjoni fuq dak li jgħidu ż-żgħażagħ. Jekk hija klima, żgur li hemm bżonn issa iktar min qatt qabel li dak li jingħad jiġi mwettaq minn kulħadd. Fuq il-bini li dejjem tiela' b'mod vertikali u iktar ma jitla' bini iktar jogħlew il-prezzijiet tad-djar u kera, żgur li hija problema li tistħoqq iktar azzjoni. Dwar il-pensjonjiet, ninsabu f'punt fejn żagħżugħ tal- lum kapaċi ma jieħux il-penjsoni kollha, u iktar minn dan kemm hawn żgħażagħ li għandhom pjan finanzjarju fuq ħajjithom? Iż-żgħażagħ huma iktar minn żgħażagħ. Huma għalliema, politikanti, tobba, inġiniera, youth workers fost oħrajn li għandhom ħafna talenti u identitajiet varji u għalhekk li rridu huwa spazju fejn jaħdmu u jagħtu kontribut tagħhom fis-suġġett li huma esperti fih.

    Iż-żgħażagħ tal-lum huma ta' frott jew ta' dannu għas-soċjetà? Għaliex? Kif nistgħu niddeskrivu liż-żgħażagħ tal-lum? Huma realment il-pedament tas-soċjetà?

    Jekk tħares lejn in-numri, wieħed minn kull erbgħa f’Malta jiġi kklassifikat bħala żagħżugħ. Dan mingħajr ma ngħoddu individwi ta’ inqas minn15-il sena li huma ż-żgħażagħ ta’ għada. Apparti dan, enerġija żagħżugħa qed narawha tifjorixxi u tikber. F’Malta naraw kif iż-żgħażagħ kienu leħen importanti u prinċipali għall-bidliet leġislattivi. Biss biss, insemmi li fis-sena 2019, it-tmexxija tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ introduċiet id-dritt tal-vot 16 fl-elezzjonijiet kollha ġewwa Malta. Ma’ dan il-Kunsill ħadem biex f’Ottubru tal-2019 il-Parlament ta’ Malta b’mozzjoni u ittra ffirmata minn iktar minn 30 għaqda non-governattiva żagħżugħa ħabbar li Malta tinsab fi stat ta’ emerġenza fil-klima. Dan huwa ftit mix-xogħol u kontribut li jagħtu ż-żgħażagħ lis-soċjetà.

    Taqbel ma' min jgħid li ż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum għandhom nuqqas ta' sens ta' avventura? Fuqiex għandhom jiffukaw iż-żgħażagħ tal-lum? Ikkumpara u kkuntrasta il-kulturà taż-żgħażagħ tas-snin 60 ma' dik tas-soċjetà tal-lum.

    Lanqas xejn. Iż-żgħażagħ huma avventurużi f’dak li jagħmlu. Huma persuni ħabrieka u li jaħdmu qatigħ. Nemmen li huma iktar kawti u attenti f’dak li jagħmlu u għalhekk forsi jidhru li mhumiex avventurużi. Naraw żgħażagħ li qed jagħmlu suċċess f’Malta u barra minn Malta fin-negozju tagħhom, sports, fil-mużika u fl-arti. Naraw żgħażagħ Maltin jibbrillaw meta jmorru jistudjaw barraw minn Malta. Huma kburin li huma Maltin u li wara kollox artna hija parti minn dak li aħna. Il-fatt li ngħidu fi gżira kapaċi jfixkel però huwa vantaġġ ukoll. Noħolmu li nikbru u li jkollna pajjiż aħjar milli sibnih. Dan huwa ż-żagħżugħ Malti u Għawdxi. Li joħlom u jwettaq b’mod intelliġenti, li ma jibżax mill-avventura, jifhem li kapaċi ifalli fi proġett wieħed jew tnejn però jerġa’ jqum u jkompli f’ħidmietu. 

    Fl-1960 konna ngħixu f'realtà differenti, ġenerazzjoni differenti u ħsibijiet differenti. Malta rat bidliet minn żmien fejn għexna taħt l-imperu Ingliż għal ekonomija b'saħħitha grazzi għall-introduzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Rajna avvanz fit-tekonoloġija u kif ix-xogħlijiet ta' għada lanqas jeżistu llum. Wara kollox rajna kif il-media soċjali u l-mobilità fl-ivjaġġar taw liż-żagħżugħ Malti, perspettiva barranija u għalhekk kien kapaċi jikber u jiżviluppa l-ħsieb u t-tagħlim tiegħu.

    Għaddi messaġġ liż-żgħażagħ fuq kif għandhom jgħixu ħajja mimlija valuri.
    Żagħżugħ ma tagħmlekx biss l-età, però anke kif wieħed iġib ruħu. Il-maturità li titgħallem, li tammetti fejn tkun żbaljajt u li tkun kapaċi tirrispetta lil kulħadd. Inħeġġeġ lil min qed jaqra din l-intervista biex jidħol fil-volontarjat, jissieħeb f'għaqda li taħdem fuq suġġett għal qalbu, ikun parti mill-bidla li jixtieq jara madwaru u dejjem jaħdem biex jikber bħala persuna għax b'hekk tikber is-soċjetà. Huwa hemmhekk fejn aħna bħala żgħażagħ inkunu qed inħallu l- marka tagħna li aħna kapaċi u li aħna verament għandna x'noffru. 

    Induru issa għar-rwol tiegħek bħala fundatur u president tal-LGBTI+ Gozo. X'responsabbiltajiet iġġorr magħha din il-kariga?

    Inkun onest miegħek, fil-bidu meta bdejna qatt ma rajt li kien se jkun hemm struttura ta' Għaqda. Dejjem kien hemm il-ħsieb li jkun hemm komunikazzjoni bejn individwi LGBT u li jkollhom ma' min jesprimu l-inkwiet u l-ħsibijiet tagħhom ta' kuljum. Matul is-snin dan ir-rwol beda jiżviluppa l-ko-ordinament ta' diversi proġetti, kemm f'Għawdex kif ukoll barra minn Malta. Li naħdmu id f'id ma' għaqdiet oħrajn ġewwa Malta u li naħdmu id f'id ma' għaqdiet u entitajiet f'Għawdex, ħidma amministrattiva u li wieħed imexxi b'suċċess numru ta' nies għal għan wieħed. L-iktar ħaga li jien kburi hija li jien president tal-LGBTI+ Gozo u meta jiġi żmien li nieqaf u jidħol demm gdid, għaliex huwa dejjem importanti li jkun hemm ideat ġodda, se nħoss nuqass kbir. Ħinijiet twal li nqatta' waħdi nahseb fuq l-Għaqda fuq x'nistgħu nagħmlu biex Għawdex ikun iktar inklussiv. Però, fl-aħħar mill-aħħar niftakar ukoll li hemm tim ħabrieki jaħdem xi kultant minn wara l-kwinti u nidher jien biss. Grazzi ħbieb ta' dan! Fl- aħħar mill-aħħar, responsabbiltà mhix ta' president imma ta' individwu gay u Għawdxi li nħalli lil Ghawdex aħjar milli sibtu mill-ftit li nista' u kif nista'. 

    Xi skop għandha din l-Għaqda u x'attivitajiet torganizza matul is-sena?

    LGBTI+ Gozo hija Għaqda f'Għawdex li flimkien ma' grupp ta' żgħażagħ li llum insejħilhom it-tieni familja tiegħi, rat li timla l-vojt preżenti f'din il-gżira. Il-leħen tan-nies LGBT li huma Għawdxin dejjem kien jintesa', mhux b'mod malizzjuż jew ta' nuqqas ta' interess, però għaliex dejjem kien hemm dak il-vojt - vojt li nħass il-bżonn li jkunu Għawdxin stess li jisimgħu, jaħdmu u jirrapreżentaw lill-Għawdxin sħabhom. F'dawn l-aħħar erba' snin għamilna avvanzi kbar, waqt li norganizzaw attivitatjiet soċjali u ta' natura ħafifa, immorru ġo skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra nedukaw u nagħtu informazzjoni dwar kif wieħed għandu jkun inkluż. Naraw li l-isterjotipi li jsawru individwi LGBTI jiġu mwieġba u nfiehmu kif kull indvdiwu ikun min ikun huwa suġġett ta' orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru. Fost l-attivitajiet li norganizzaw hemm 'Love is Love', fejn ta' kull sena flimkien mal-Ministeru għal Għawdex għal żmien San Valentinu nippromwovu kull tip ta' mħabba. Kull xahar is-Sibt filgħidu jkollna “Queer Gozo Hub” fejn individwi jistgħu jiġu jitkellmu u jqattgħu ħin flimkien. Dan grazzi għall-Aġenzija Żgħażagħ, fost oħrajn.

    Ħa mmur mal-ewwel għad-diskussjoni - Gay titwieled jew issir? Qed insaqsik din id-domanda għax hawn min hu tal-opinjoni li wieħed jaqleb gay għall-gost u biex ikun ipprova kollox f'ħajtu...

    Hekk hu, hawn min jaħseb hekk. Però, lil dawn in-nies ngħidilhom li ħadd ma jagħżel li jgħix taħt periklu li jiġi mkeċċi mid-dar, li jiġi attakkat fit-triq, li tgħix f'biżà li turi int min int. Wieħed forsi jaħseb li f'Malta dawn l-affarijiet ma jsirux. Għalfejn għandhom isiru? Qegħdin l-ewwel f'kollox. Però, filwaqt li l-liġi qiegħda hemmhekk, ir-realtà turi mod differenti. Li jien gay hija parti mill-identità tiegħi, li jien Għawdxi hija parti mill-identità tiegħi, hija parti minni. Din tmur ukoll għall-orjentazzjonijiet sesswali oħrajn u identitajiet tal-ġeneru. Smajt stejjer ta' individwi Transesswali u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom. Qatt ma jien ħa nifhem min xiex jgħaddu għaliex jien minix Transesswali però qatt mhu se naċċetta lil ħadd jgħid li din hija għażla, għaliex naf xi tħoss meta ma tkunx aċċettat. Ir-realtà kienet minn żmien passat u se tibqa' realtà. 

    Kif tirribatti lil min iqis l-omosesswalità bħala dnub?

    Nirribatti, forsi le. Però, nitkellem u nifhem għalfejn jaħsbu hekk, iva. Nifhem li aħna individwi li jkollna diversi konfliti. U dan kien wieħed minnhom għalija. Kien konflitt li ħassejt li kelli nagħżel bejn is-sesswalità u l-ispirtwalità. Però, tgħallimt li t-tnejn jistgħu u kapaċi jgħixu f' armonija flimkien. Minix espert u jkolli ħafna dubji, però naf li fl-Iskrittura li ssib huwa prinċipju li tħobb lil ħaddiehor u li tkun f'paċi miegħek innifsek. Hawnhekk, inħeġġeġ lil dawk li qed jaqraw ikellmu lill-Għaqda Drachma li taħdem qatigħ biex twassal messaġġ ta' unità bejn il-proxxmu, l-ispiritwalità u l-komunità. 

    X'tikkumenta fuq il-fatt li kemm dam Prim Ministru Dr Joseph Muscat, id-drittijiet ta' persuni LGBTIQ splodew bil-kbir tant bħalissa ninsabu l-aqwa fl-Ewropa minn dan il-lat?

    Dawn huma liġijiet li jagħtu eżempju lil pajjiżi oħra hekk imsejħa avvanzati. Gżira ta' ftit iktar minn nofs miljun ruħ tkun ta' eżempju għal nazzjonijiet kbar. Insellem il-ħidma ta' Dr Muscat u Kummissarju Dr Dalli li llum tinsab taħdem fl-Unjoni Ewropea, infatti fuq l-Ugwaljanza. Ma rridx inkun negattiv, però ma nistax ma naqsamx l-inkiwet tiegħi u ta' ħafna oħrajn. L-attakki li qed isiru ġewwa Paceville abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u identitatjiet tal-ġeneru, in- nuqqas ta' għarfien dwar persuni Transesswali u anke n-nuqass ta' 'gender neutral bathrooms' u spejjeż kbar li wieħed irid jgħaddi minnhom għall-mediċina eċċ. Proset kbira tmur lill-MGRM u Alex li jgħallmuni ta' kuljum fuq realtà. Xi ngħid fuq is-saħħa sesswali f' Malta li mhuwiex suġġett għal nies LGBT, però għal kulħadd. In-nuqqas ta' GU health clinic f' Għawdex. Il-leħen ta' immigranti marġinalizzati f'Malta u individwi b'diżabilità u sesswalità tagħhom. Fadal x'isir - l-edukazzjoni hemm postha dejjem. 

    Bħala individwu, insemmi ħaġa waħda. Qatt ma jien se nħossni ugwali mija fil-mija sakemm titneħħa d-diskriminazzjoni tal-għoti tad-demm. Il-fatt li persuna gay ma jistax jagħti demm jekk ikun attiv sesswalment u jekk irrid jagħti demm irrid ikun assenti minn kull kuntatt sesswali għal żmien sena hija assurda u diskriminatorja. Ninsabu fi żmien fejn kull borża tad- demm ikollha testijiet għal wieħed, tnejn, u għalhekk kull skuża xjentifija, inħoss li hija biss skuża. Tkompli żżid l-istigma fuq persuni gay u għalhekk ġewwa Malta fuq dan l-aspett, jien inħossni diskriminat. 

    Bosta ma jaqblux li żewġ persuni gay ikunu jistgħu jiżżewġu. Xi twieġeb għal dan?

     F'Malta, numru sostanzajli u b'saħħtu ta' nies jemmnu li koppja tal-istess sess, tista' tiżżewweġ. Sabiħ hux vera li ssib ma' min taqsam ħajtek u tħossok liberu tesprimi lilek innifsek. Dan ma kienx il-każ bejn għaxar / 15-il sena ilu. Nemmen li l-biżà kienet li b'mod awtomatiku, il- bniedem jaħseb li meta wieħed ikun se jieħu dak li hu bid-dritt tiegħu, allura jkun se jitlef xi ħaġa. Dan mhux il-każ, id-dinja ma spiċċatx. Qed ngħixu f'komunità diversa u b'saħħitha, grazzi għad-diversità. Inqawwi qalbi nisma' kopja tal-istess sess li tkun se tiżżewweġ. U filwaqt li għadni m'attendejtx xi tieg jew ċerimonja ta' persuna tal-istess sess, naf fiż-żgur li meta nattendi se nibki. Se nibki għaliex ta' tfajjel li kont, dejjem immaġinajt lili nnifsi raġel miżżewweġ, dejjem xtaqt inkun bħal ħaddiehor, dejjem ridt li nagħmel lill-ġenituri tiegħi kburin bija nnifsi. U llum ta' 25 sena, jekk għad nasal f'dak il-punt nista'! Nista' nkun ta' eżempju għal żgħażagħ oħra, nista' nkun ta' ispirazzjoni u nagħti fiduċja lil dak li jkun. Wara kollox, nista' nkun jien, kolli kemm jien mingħajr ma naħbi l-ebda identità. Inħoss ċerta emozzjoni li nista' naqsam l-imħabba tiegħi ma' persuna li nħobb, u l-imħabba hija mħabba. Għalhekk 'Love is Love'! 

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, bħala persuna li tant taħdem favur id-drittijiet ta' persuni gay f'pajjiżna, għaddi messaġġ finali lill-persuni gay u speċjalment lil dawk li għal diversi raġunijiet qed jibżgħu jesprimu din l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fil-pubbliku u qed isofru fis-skiet ta' darhom. 

    L-ewwel ħaġa, jien parti minn grupp ta' nies li kuljum jaħdmu qatigħ f'bosta organizzazzjonijiet f' Malta u dik ta' Għawdex. Grazzi ħbieb tal-għajnuna. L-esperjenza tiegħi hija unika. Kien hemm żmien fejn kont nibża' ngħid min jien, ma kontx naf lil min se nkellem. Kont smajt bl- MGRM però kif kont se mmur Malta? Ma kontx insuq! X'kont se ngħidilha lil ommi? Għawdex ma kienx hawn Għaqda, u ma kont naf lil ħadd li hu 'openly gay'. Mhux għax ma kienx hawn ta, però qatt ma kont iltqajt magħhom. Rajt li iva, ridt nagħmel differenza. Illum differenza qed issir, u fadal x'nagħmlu wkoll! 

    Lill-kollegi tiegħi, dejjem ngħidilhom “għadna żgħar, għadna nibdew, fadal x'nimxu, inżommu sajaqna mal-art u nimxu id'fid!” Se nkomplu naħdmu u int li forsi tibża' tesprimi l-identità tiegħek, nifhmek ħabib - kont hemm. Ejja kellimna, il-ħsieb mhux li tgħid lill-pubbliku kollu int min int; wara kollox m'hemmx għalfejn. Importanti li inti taf li għandek spazju fejn titkellem, fejn taqsam l-inkwiet u l-espressjoni tiegħek, meta trid u meta tħossok lest. Ingħaqad magħna, aħna hawnhekk qegħdin. Il-ħsieb tal-LGBTI+ Gozo dejjem dak kien - li jkun ta' spazju għal dawk li għandhom bżonn spazju u meta jkunu lesti li jimxu 'l quddiem, ikomplu it-triq u qatt ma jħarsu lura. Taqbiżli demgħa nara indivdiwi li ġew u marru, però li jibqgħu grati għal dak li għamlet l-Għaqda magħhom. Se nkompli naħdem mhux għax jien gay; se nkompli naħdem mhux għax jien Għawdxi, però għax jien uman u nemmen li kull uman għandu dritt jgħix f'serenità u paċi li jesprimi lilu nnifsu mingħajr ma jiġi ġġudikat!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0