“Qed jipprova jgħid lill-Qorti li talli għajjarha 'qaħba' ma ġara xejn ta’ barra minn hawn”

  • Jan 23, 2020 13:30
  • Miktub minn iNews

    Hekk kif illum kompliet il-kawża ta’ libell li l-Onor. Rosianne Cutajar fetħet kontra  Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams, wara li ħassitha malafamata wara li ntuża kliem bħal “qaħba” fost kliem oħrajn fil-konfront tagħha, l-Avukat Edward Gatt saħaq li din hija l-unika darba fl-istorja li xi ħadd qed jgħid li jekk mara tiġi mgħajra qaħba tkun qed tagħmlilha pjaċir.

    Dr Edward Gatt, li qed jidher għal Cutajar, qal li kollox idur mal-kelma qaħba, li qal li l-istess Ganado għamilha tiegħu fil-Qorti u ma ċaħadx dan.

    Huwa qal li l-linja tad-difiża tal-parti l-oħra qiegħda turi element avventuruż fejn Leone Ganado mhux talli ma ddejjaqx jgħajjarha qaħba, talli ġie l-Qorti u bl-ardir kollu jippretendi li jeċċepexxi li dan hu kumment ġust. 

    Dr Gatt żied jgħid li “l-intimat, min jaf kieku wieħed isaqsih jaqbad membru tal-familja tiegħu u jmur u jgħidlu l-aġġettiv li qal lilha. Imur filgħodu u jgħidilha ‘aw qaħba’. Dan hekk qed jipprova jgħid lill-Qorti, li talli qal hekk ma ġara xejn ta’ barra minn hawn.”

    “Din il-konsegwenza tagħha ġġib il-kawża ta’ Williams. Hi l-persuna responsabbli ta’ dak is-sit tal-Facebook li hi xehdet dwaru. Hi ma kkontestatx dan. Dan id-diskors għamlitu tagħha. Wieħed jara li mhux biss ippermettiet u kienet responsabbli li Leone Ganado jikteb dak id-diskors, imma saħansitra l-kelma li użaw ma trid teħodha waħedha. 

    “Jekk wieħed jaqra x’qalet Williams wara li l-intimat uża dik il-kelma hi kompliet miegħu,” sostna Dr Gatt waqt li semma kif hawn morna fl-agħar parametri ta’ x’wieħed jista’ jgħajjar lil xi ħadd. 

    Huwa insista wkoll li l-Qorti għandha tibgħat messaġġ fid-dawl li l-klijenta tiegħu kienet ilha tissapportihom ħafna lil dawn in-nies. Dr Gatt irrefera wkoll għall-attitudni tagħhom ukoll fil-Qorti fejn tul il-proċess kollu, għal iktar minn tliet darbiet f’seduti differenti l-Qorti ċanfrithom. 

    Fit-trattazzjoni tiegħu, Dr Andrew Borg Cardona li qed jidher għal Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams, qal li f’din il-kawża qed nitkellmu dwar kummenti fuq Facebook. Qal li Cutajar ħadet azzjoni għax trid tattakka, tibgħat messaġġ, li ħaddieħor jista’ jgħid li jrid imma Leone Ganado le. Qal ukoll li l-kumment “fil-Parlament qisha qaħba f’xalata” ma tistax tiġi intepretata li hi “qaħba”. 

    Tenna li “jien mhux qed ngħid li tgħajjar lil xi ħadd, mara partikolarment, qaħba, mhix potenzjalment serja. Anzi hi. Imma l-liġi inbidlet u tgħid li jrid ikollok series harm of reputation. Qed ngħid li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni għandu jiġi mxekkel biss f’ċirkostanzi li verament hemm il-ħsara serja u ħsara potenzjali, lir-reputazzjoni tar-rikorrent.”

    “L-Onor. Cutajar ma tistax tgħid li saret ħsara fuq ir-reputazzjoni tagħha. Anzi ironikament din ġiet enhanced fuq is-supporters tagħha. Jekk hemm malafama hi minima fiċ-ċirkostanzi,” temm jgħid Dr Andrew Borg Cardona. 

    Min-naħa tiegħu, Dr Gatt qal li din hi l-unika darba fl-istorja li xi ħadd qed jgħid li jekk mara qed tgħajjarha qaħba tkun qed tagħmlilha pjaċir.

    Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, iddeferixxiet il-kawża għas-sentenza għall-24 ta’ Marzu li ġej.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0