L-GĦAWDXIJA FIL-QALBA TAL-EWROPA

  • Jan 20, 2020 08:20
  • Miktub minn Christian Muscat

    Dr Josianne Cutajar - Membru Parlamentari Ewropea min-Nadur, Għawdex, u li tant qed tagħmel xogħol siewi għall-akbar ġid ta' pajjiżna fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu u fi Brussell.

     

    Kellimni ftit dwar it-tfulija tiegħek.

    It-tfulija tiegħi qattajtha f’Għawdex. Jien min-Nadur, iż-żgħira minn erbat aħwa, bint mara tad-dar u ħaddiem. Fix-Xitwa, ir-rutina kienet iddur mal-iskola, il-homework u l-MUSEUM. Fil-ħin liberu, xi mixjiet fil-kampanja jew logħob mal-ġirien u ħbieb, noli, logħob bil-pupi, u ġiri bir-rota. Fis-Sajf kont inqatta’ ħafna mill-ħin tiegħi l-bahar u mogħdiha naqra kotba diversi li kont ta’ spiss nissellef mil-librerija lokali. Kienet l-għaxqa tiegħi fi żmien il-festa tar-raħal noħroġ siġġu fuq il-bankina u noqgħod naqra ktieb waqt li nosserva lill-voluntiera jarmaw it-triq tagħna bl-armar tal-festi. Kif bdejt nikber u bdejt is-sekondarja, bdejt ninvolvi ruħi fi gruppi diversi, għamilt xi żmien nitgħallem id-drama u ż-żfin u kont ukoll nattendi ċ-ċentru taż-żgħażagħ li kien żmien sabiħ ħafna. Waħda mill-memorji favoriti huma meta fil-Milied konna mmorru nieħdu xi rigali u nkantaw carols tal-Milied lill-anzjani tar-raħal. Kien żmien sabiħ. 

    X'ħajrek biex issir Avukata?

    Meta kont iżgħar kont ngħid li kont se nsir għalliema iżda kif wasalt lejn l-aħħar snin tas-sekondarja biddilt diversi karrieri prospettivi inkluż interpretu (għax kont inħobb il-lingwi) u social worker. Eventwalment wara ħafna ħsieb iddeċidejt li nidħol għall-kors tal-liġi u waħda mir-raġunijiet għal dan kien li xtaqt inkun ta’ vuċi għall-oħrajn fejn jidħlu drittijiet. L-attiviżmu dejjem kien fija. Dak iż-żmien kienet qed tinbet fija wkoll il-ġibda lejn il-politika, għalkemm illum nisħaq fuq l-importanza li jkollna politiċi ġejjin minn sferi ta' studji differenti u mhux biss avukati u tobba.

    U biex tidħol fid-dinja tal-politika?

    Minn meta kont żgħira, kont ninvolvi ruħi f’dibattiti organizzati fl-iskola kif ukoll fi gruppi differenti fejn stajt nagħti l-kontribut ċkejken tiegħi, normalment fuq livell ta’ raħal. Dejjem emmint li jekk trid il-bidla, trid tagħmel il-parti tieghek. Ta’ xi 17-il sena bdiet tinbet il-ġibda lejn il-politika u kelli xewqa illi apparti avukat, ninvolvi ruħi fix-xena politika - xi ħaġa li dak iż-żmien kont inżommha bejni u bejn ruħi għalkemm diġà kelli esperjenza fil-Kunsill taż-Żgħażagħ f’raħli. Ta’ 21 sena ġejt avviċinata biex nikkontesta l-Kunsill Lokali tan-Nadur. Din kienet xi ħaġa li xtaqt imma li kont qed inżomm lura minnha minħabba l-istudji. Iddeċidejt li nikkontesta waqt li komplejt bl-istudji tieghi. Minn hemm bqajt miexja grazzi għal dawk li emmnu fija u tawni l-fiduċja matul it-triq.

    X'emozzjoni ħassejt meta ġejt eletta fil-Parlament Ewropew?

    Wara sena ta’ ħidma intensiva u stennija madwar it-3am ġejt infurmata li kont ġejt eletta. Dak il-ħin kont għajjiena u mort norqod. L-emozzjoni laqtitni verament l-għada t-Tnejn meta l-ewwel żorna xi lokalitajiet Malta bħala grazzi u wara bqajna sejrin Għawdex fejn sibt diversi persuni jistennew biex jagħtuni merħba l-Imġarr, fejn bqajna telgħin in-Nadur. L-aktar parti emozzjonanti għalija kienet quddiem id-dar, it-tgħannieqa tal-ġenituri, il-merħba ta’ ġirien li trabbejt magħhom u ta’ persuni oħra mir-raħal li jafuna mill-qrib. Minn hemm morna t-Tokk ir-Rabat fejn kellna ċelebrazzjoni sabiħa fejn iċċelebrajna flimkien ma’ persuni minn irħula differenti li ġew biex jifirħu magħna. Matul il-kampanja, xi persuni li kienu jgħinuni kienu jgħiduli ejja ħa niktbu l-istorja flimkien, u hekk ġara, Ghawdex u Malta eleġġew, mhux biss l-iżgħar rappreżentanta Maltija, iżda l-ewwel rappreżentant minn Għawdex fil-Parlament Ewropew. Għalija dan ma kienx biss tragward personali li lħaqt imma messaġġ li lkoll kemm aħna, anke jekk ikun hemm min jgħidlek li impossibli jew ma jemminx fik, kapaċi naslu, irrespettivament minn fejn ġejjin. Mument emozzjonanti ieħor kien meta ftit ġranet wara li ġejt eletta, f’attività taħt it-tinda fin-Nadur, qabel l-indirizz ta’ Dr Joseph Muscat, ingħatajt l-opportunità li nwassal il-messaġġ tiegħi wara rebħa storika fir-raħal li trabbejt fih. 

    Il-fatt li int ġejja minn Għawdex - x'relevanza għandu Għawdex għall-Parlament Ewropew?

    Malta u Għawdex huma pajjiż wieħed però Għawdex għandu l-isfidi u l-karatteristiċi partikolari tiegħu. Li tkun Għawdxi jfisser li tifhem aħjar dan għax tkun esperjenzajt u għext dan kollu. Kien hemm żmien fejn saħansitra kien hemm appelli biex ikun hemm siġġu riservat għal rappreżentant Għawdxi fil-Parlament Ewropew. Kuntenta li l-poplu Malti u Għawdxi eleġġa rappreżentanta Għawdxija mingħajr il-bżonn ta’ dan. 

    Fi ħdan il-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew, fejn anke nifforma parti mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, se nkun ta’ vuċi u nagħmel ċert li nirrapreżenta bl-aħjar mod li nista’ lil pajjiżi kollu kemm hu, inkluż il-gżira Għawdxija bil-partikolaritajiet tagħha. 

    U r-regolamentazzjonijiet tal-Parlament Ewropew kemm japplikaw għal Għawdex?

    Japplikaw daqs kemm japplikaw għal Malta. Però, hawn hi l-problema. Ir-regoli Ewropej ma jikkunsidrawx biżżejjed il-karatteristiċi partikolari ta’ partijiet differenti li jaffaċċjaw sfidi partikolari. Pereżempju, wieħed ma jistax jaħseb fuq policy dwar l-intrapriżi fi gżira bħal Għawdex mingħajr ma jikkunsidra l-elementi ta’ ċokon u insularità doppja. 

    Hemm ċerta konsiderazzjoni għal dawn l-elementi, veru, però ma narax li huma biżżejjed, u fil-fatt nisimgħu ħafna minn ċittadini ta’ reġjuni u nħawi li jħossuhom minsija mill-Ewropa. Dan inżommu f’moħħi f’xogħli fil-Parlament Ewropew; kif dejjem sħaqt one size does not fit all.

    Tħoss li hemm nuqqas ta' komunikazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u bliet u rħula madwar l-Ewropa? 

    Iva. Irrid nara iktar komunikazzjoni diretta mal-irħula u bliet, speċjalment l-iżgħar fosthom. Mhux għal pajjiżna biss qed ngħid: dis-sena stess rajna x’jiġri meta poplu jħossu injorat. Il-vot dwar Brexit, u l-elezzjoni nazzjonali tar-Renju Unit, li finalment ġiet deċiża fuq il-pożizzjoni tal-partiti dwar Brexit, urietna biċ-ċar kemm hemm bżonn li l-PE jħoss il-polz tal-poplu. Hu wkoll id-dmir tagħna r-rappreżentanti li ngħinu f’komunikazzjoni aktar effettiva.

    Kif tiddeskrivi l-politika bhala mezz biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali?

    Dak li dejjem żammni għaddejja fil-politika hu l-għan li bil-ħidma umli tiegħi ngħin biex jinkiseb l-għan tal-ġustizzja soċjali. Dak hu l-crux tal-politika għalija; xogħol il-politiku għandu jkun iffukat fuq kif jista’ jressaq lil niesu dejjem eqreb lejn soċjetà ġusta.

    Kif jirnexxielek issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tiegħek?

    Bilanċ bejn ħajja u xogħol mhuwiex faċli għax ix-xogħol ma jieqafx, dejjem hemm xi ħaġa x’tagħmel, erbat ijiem impenjattivi fi Brussell / Strasburgu u fil-weekends inkomplu bil-kuntatt u l-attivitajiet lokali. Però, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar napprezza kemm dan il-bilanċ hu importanti. L-immaniġġjar tal-ħin hu essenzjali. Ħin ta’ mistrieh ifisser li nqatta’ ħin mal-għeżież tiegħi għall-kwiet jew f’postijiet ta’ rilassament. Is-sbuħija naturali tal-gżejjer tagħna ċertament tgħin f’dan. F’ħajja dejjem aktar mgħaġġla, sirt napprezza li aktar milli t-tul tal-ħin, huwa l-kwalità tal-ħin illi jgħodd. 

    F’dawn l-aħħar snin kien hawn dan il-fenomenu mgħaġġel ta’ emanċipazzjoni tan-nisa. Xi rwol għandha l-mara fis-soċjetà tal-lum?

    Ma naqbilx li kien mgħaġġel – in-nisa ilhom mijiet ta’ snin jiġġieldu għal dak li hu tagħhom bi dritt! Illum forsi qed naraw iktar viżibilità ta’ dan l-attiviżmu.

    Dwar l-irwol tal-mara: l-irwol tagħha fis-soċjetà hu essenzjali daqs kemm hu dak tar-raġel. Daqs kemm raġel jista’ jkun politiku, daqstant ieħor mara tista’ tirrappreżenta poplu. Bl-istess mod, daqs kemm mara kapaċi tieqaf jew tnaqqas minn xogħlha biex trabbi l-ulied, daqstant ieħor raġel hu kapaċi jagħmel l-istess.

    Hu fl-interess tas-soċjetà kollha kemm hi li lil mara narawha rappreżentata b’mod aktar ugwali fl-isferi kollha inkluż fil-qasam tad-deċiżjonijiet u l-politika. Gvern Laburista fl-aħħar snin ħa diversi miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni femminili fl-oqsma diversi u fadal xi jsir. Inħares ’il quddiem lejn ir-riforma għal rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament Malti. 

    Xi tgħidli dwar l-ekonomija Maltija li hi waħda mill-aqwa li qatt kellna f’dawn l-aħħar snin? Izda taħseb li hawn faqar li ma jidhirx?

    Dan hu punt ċentrali għalija. Iva, l-ekonomija tagħna avvanzat b’mod li ħadd ma stenna u dan għen biex iddaħħlu miżuri soċjali importanti, iżda ma nistgħux ninjoraw il-fatt li hemm faxxa ta’ nies li qed ibatu minn nuqqasijiet li għadhom mhumiex indirizzati. 

    Faqar moħbi nemmen li dejjem ikun hemm, faqar f’diversi forom, mhux biss dak materjali. Irridu nkomplu naħdmu bis-sħiħ biex nindirizzaw il-pjagi tas-soċjetà tagħna.

    Dejjem għandna nżommu f’moħħna li l-ekonomija trid isservi lill-bniedem, u mhux bil-kontra.

    Kellimni dwar il-kulturà ta’ impunita. X’taħseb dwarha?

    Ċertament mhijiex il-kulturà li nħaddan jien personalment u li lanqas nemmen li hu ġust li tiġi attribwita lill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin. Dak li ġara din is-sena, anzi, uriena li din il-kulturà mhix tollerata f’pajjiżna, għaliex il-ġustizzja bdiet tieħu l-kors tagħha.

    X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq il-kannabis rikreazzjonali?

    Jiena ma nqisx li persuna li tpejjep il-ħaxixa fil-privat toħloq periklu lis-soċjetà. Fl-istess ħin nifhem sew it-tħassib li jeżisti, anke minn ġenituri, li meta jisimgħu b'legalizzazzjoni jimmaġinaw xi "free for all".

    Naħseb li bħala pajjiż għamilna pass għaqli bid-dekriminalizzazzjoni ftit tas-snin ilu għax l-ewwel pass importanti biex nedukaw lin-nies, huwa li nneħħu l-aspett kriminali mill-kwistjoni. 

    Issa tajjeb li niddiskutu b'mod miftuħ, nagħtu spazju lil kull min għandu x'jgħid biex jgħidu, u fuq kollox nisimgħu x'għandhom x'jgħidu l-esperti u l-istudji. Sadanittant hemm bżonn li nedukaw kemm nifilħu, fuq l-użu tal-kannabis, imma mhux biss. L-edukazzjoni li tiddistingwi bejn sustanzi u oħrajn, inkluz dawk sintetici, u l-effett u r-riskji li fihom u kif nagħmlu minn kollox biex nevitaw l-abbuż hija importanti. 

    Hekk jittieħdu d-deċiżjonijiet għaqlin, mhux mgħaġġlin u jsiru miżuri b'saħħithom li jibdlu s-soċjetà għall-aħjar.

    Xi tgħidli dwar l-abort u l-għaqda li ġiet iffurmata ftit tax-xhur ilu hawn Malta?

    Jiena mara u personalment minix lesta nagħmel abort. Minix lesta lanqas però li niġġudika jew li nattakka lil min jesprimi l-opinjoni tiegħu, mod jew ieħor. 

    Dwar l-għaqda, aħna ngħixu f’soċjetà demokratika li tħaddan id-dritt tal-espressjoni u ma nistgħux inwaqqfu d-diskussjoni u d-dibattitu.

    Nara wkoll li l-aktar ħaġa għaqlija hija li nindirizzaw is-sess u s-sesswalità fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Li nrawmu lil uliedna fir-rispett lejn xulxin. 

    Li ma ngħaddsux rasna fir-ramel, nedukaw dwar il-kontraċettivi u nippromwovu l-użu tagħhom.

    Kif tarah l-istat tal-familja hawn Malta? Taħseb li hawn xi kriżi?

    Filwaqt illi kontinwament nisimgħu b’każijiet ta’ separazzjonijiet u divorzji, wieħed irid jagħmel referenza ukoll lejn jekk hux qed nitkellmu dwar il-familja tradizzjonali jew le. 

    Nemmen li permezz tal-bidliet li daħħal dan il-Gvern, qed naraw forom differenti ta’ familji jinbnew u jikbru, ul-kunċett ta’ familja qieghed jinfetaħ għal kull persuna. 

    Dak li jkisser familja, imbagħad, jinkwetani ferm u nemmen li għandna nitkellmu iktar dwaru. Jekk nitkellmu dwar il-vjolenza domestika, sar ħafna biex l-istigma madwarha tinqered, iżda hu fatt li għad fadal ħafna persuni li qiegħdin jgħixu fil-biżà, f’darhom stess. 

    Fejn hemm it-tfal, jien inħares lejn l-interess suprem tagħhom,li mhux dejjem ikun li jkomplu jgħixu f’familja tradizzjonali. Hawn ukoll nagħmel referenza għall-fatt li l-Qrati huma aktar inklinati li jaghtu l-kura u kustodja primarja tat-tfal lil ommijiet, li mhux neċessarjament ikun l-interess suprem f’kull ċirkostanza. Inħares ukoll lejn il-well being tal-individwi dwar jekk għandhomx jibqgħu f’relazzjoni ta’ żwieġ jew relazzjonijiet oħra. 

    Ċertament, però, għandna nkomplu ninvestu biex nagħtu s-sapport lill-familji diversi qalb l-isfidi tas-soċjetà tagħna u biex nippreparaw liż-żgħażagħ tagħna għar-relazzjonijiet tagħhom u l-isfidi tal-ħajja.

    Kif taħseb li se jkun il-futur ta’ Malta meta tqis li naqas ħafna r-rispett lejn l-awtorità?

    In-nuqqas ta’ rispett lejn l-awtoritajiet jinkwetani mhux ftit. Rispett lejn l-awtorità hu essenzjali, mill-istudenti fil-klassi u l-iskejjel sal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tagħna. Hawn hemm ir-responsabbiltà tal-familji, iċ-ċittadini, iżda, aktar u aktar, tal-politiċi li ma jagħmlux mill-istituzzjonijiet, ballun politiku.

    Kemm bidlet id-dinja it-teknoloġija li kulma jmur qiegħda dejjem tiżviluppa?

    Id-dinja nbidlet mhux ftit permezz tat-teknoloġija. Filwaqt illi għandna nħarsu kif nimmitigaw u nilqgħu għar-riskji relatati magħha, tajjeb ukoll li nutilizzaw it-teknoloġija biex inġibu bidliet pożittivi nkluż fejn tidħol l-isfida relatata mal-klima. 

    Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lill-poplu Malti u Għawdxi.

    F’dak kollu li ngħidu u nagħmlu ma ninsewx ir-rispett lejn l-umanità ta’ kull persuna. Fejn ma naqblux, nikkritikaw, iżda l-attakki personali distruttivi fuq persuni, b’effett anke fuq il-familjari u l-ulied, ma jagħmlu qatt ġieh. Ejja nużaw is-sena l-ġdida biex nissaħħu, ningħaqdu u nikbru permezz ta’ dibattiti serji u bidliet fejn hemm bżonn. Fuq nota personali, nawgura lilkom u lill-familji tagħkom sena pożittiva mimlija saħħa u kuntentizza. Grazzi talli emmintu fil-viżjoni tiegħi u eleġġejtuni bħala rappreżentanta tagħkom fil-Parlament Ewropew. Se nkompli nagħmel ħilti kollha biex din il-fiduċja nroddielkom lura b’ħidma sfieqa favur pajjiżna. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0