GWU: Il-benesseri u s-saħħa mentali tal-ħaddiema għandhom jiġu protetti

  • Jan 20, 2020 08:07
  • Miktub minn Maria Azzopardi

    Fix-xhur li ġejjin nistennew li jkollna rapport leġiżlattiv biex il-prinċipju ta’ ‘Right to Digitally Disconnect’ jitgawda miċ-ċittadini Ewropej kollha

    Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) Josef Bugeja qal li bħala Union taqbel li l-benesseri u s-saħħa mentali tal-ħaddiema għandhom jiġu protetti. Għal din ir-raġuni, is-Segretarju Ġenerali Bugeja jaqbel mal-kunċett ta’ ‘Right to Disconnect’ għax jemmen li għandu jkun hemm ħin allokat fejn jitwettaq ix-xogħol pero wara dan il-perjodu għandu jkun hemm ħin fejn il-ħaddiem ikun jista’ jinqata’ mill-mezzi elettroniċi u l-impenji tax-xogħol biex b’hekk ikun jista’ jistrieħ u jqatta’ ħin mal-familja. 

    Huwa qal dan waqt laqgħa bejn l-Amministrazzjoni u s-Segretarji tat-Taqsimiet tal-GWU u l-MEP Alex Agius Saliba.

    Il-GWU ilha diversi xhur tiddiskuti u tikkollabora flimkien mal-Ewroparlamentari Agius Saliba dwar il-kunċett ta’ ‘Right to Disconnect’ għax hija konxja dwar in-neċċessità li teżisti biex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 

    Il-GWU kienet katalista biex tassigura benesseri xieraq lill-ħaddiema tant li fl-aħħar Kungress Nazzjonali tagħha waslet biex tadotta politika dwar is-saħħa mentali u diġà kellha l-ħsieb li tibda diskussjoni dwar il-kunċett ta’ ‘Right to Disconnect’.

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU spjega li dan il-kunċett huwa importanti biex il-ħaddiem ikun jista’ jistrieħ kif inhu xieraq u b’hekk tiġi salvagwardjata s-saħħa mentali u l-benesseri tal-ħaddiem. Dan għaliex, hekk kif id-dinja tax-xogħol moderna tkompli tiżviluppa, saret dipendenti fuq l-għodda teknoloġiċi bħala mezzi ta’ komunikazzjoni. Filwaqt li dawn iġibu ċertu flessibilità u libertà jista’ jinħoloq stress żejjed fuq il-ħaddiema biex iwieġeb il-messaġġi u l-imejls wara l-ħin tax-xogħol u dan jista’ jħalli impatt kemm fuq il-ħidma tagħhom kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet personali. Apparti minn hekk ngħixu f’dinja globalizzata u jeżistu time zones differenti. Waqt il-laqgħa ġiet diskussa wkoll l-importanza li jkun hemm edukazzjoni għan-nies dwar dan is-suġġett.

     

    Aktar protezzjoni u ħin ta’ kwalità lill-ħaddiema mal-familji tagħhom

    Min-naħa tiegħu l-Ewroparlamentari Agius Saliba stqat li kien sodisfatt b’din il-laqgħa għax serviet bħala okkażjoni biex flimkien mal-Amministrazzjoni u s-Segretarji tal-GWU seta’ jkun hemm aġġornament ta’ fejn wasal ix-xogħol rigward il-prinċipju li qiegħed jaħdem fuqu fil-Parlament Ewropew tar-Right to Digitally Disconnect.

    Agius Saliba qal li jinsab kuntent għax il-GWU kienet l-ewwel trejdunion li ddiskutiet miegħu dwar dan il-prinċipju saħansitra matul il-kampanja elettorali li għamel qabel ma ġie elett bħala Ewroparlamentari. Huwa nnota li kienet il-GWU li qajmet miegħu dan is-suġġett anke wara policy paper li ħadmet fuqha wkoll mal-Forum Unions Maltin u minn hemmhekk beda jmexxi ‘l quddiem din il-ħidma.

    Ir-rakkomandazzjoni ta' Agius Saliba sabet appoġġ enormi mill-MEPs u mill-gruppi politiċi rispettivi tagħhom fejn għall-ewwel darba, il-Parlament Ewropew adotta u inkorpora l-emenda tiegħu fit-test uffiċjali tal-Parlament.

    L-Ewroparlamentari qal li se jkunu qegħdin jimbuttaw biex minn prinċipju ta’ fuq il-karta jiżviluppa tant li matul ix-xhur li ġejjin qegħdin jistennew li jkun hemm rapport leġistalliv biex dan il-prinċipju jitgawda miċ-ċittadini Ewropej kollha. B’dan il-mod, din il-ħidma tissarraf  f’aktar protezzjoni u ħin ta’ kwalità lill-ħaddiema mal-familji tagħhom.

    Fil-passat ir-Right to Disconnect dehret fi Franza b’deċiżjoni fil-Labour Chamber tal-Qorti Suprema Franċiża. Id-deċiżjoni tat-2 ta' Ottubru 2001 iddeċidiet li "l-impjegat m'għandu l-ebda obbligu li jaċċetta li jaħdem id-dar u lanqas iġib il-fajls u l-għodda tax-xogħol tiegħu". Fl-2004 il-Qorti Suprema affermat din id-deċiżjoni u ddeċidiet li "l-fatt li l-impjegat ma setax jintlaħaq fuq it-telefon ċellulari tiegħu barra mill-ħin tax-xogħol ma jistax jitqies bħala kondotta ħażina."

    Il-kunċett ta’ Right to Disconnect kien imsaħħaħ fil-bidu tal-2017 bi Franza tintroduċi l-liġi El Khomri, li tissuġġerixxi li kull kuntratt tal-impjegat irid jinkludi negozjar tal-obbligi meħtieġa minn impjegat rigward kemm huma konnessi barra mill-ħin tal-uffiċċju.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0