L-aktar films tal-Milied popolari skont il-box office

  • Diċ 25, 2019 19:34
  • Miktub minn iNews

    Għal ħafna snin, “Home Alone” li kien iddebutta 29 sena ilu kien il-film tal-Milied li kellu l-akbar suċċess fil-box office.  Is-sena l-oħra, ħareġ il-film animat “Dr. Seuss’ The Grinch” u għaddih f’dak li hu dħul fil-box office.  Madankollu jekk wieħed jieħu fil-kunsiderazzjoni l-inflazzjoni u kemm għolew il-biljetti tad-dħul matul is-snin, “Home Alone” għadu l-film tal-Milied numru wieħed.

    Fl-istess ħin, xi ħaġa li toħroġ ċara minn din it-tabella hu kemm hu popolari l-karattru The Grinch maħluq mill-awtur Amerikan Theodor Seuss Geisel (li ħalliena fl-1991).  Fil-verżjoni animata li rajna s-sena l-oħra, kien Benedict Cumbernatch li silef il-vuċi tiegħu lil The Grinch.  Fil-verżjoni tas-sena 2000, Jim Carrey ta waħda mill-aqwa nterpritazzjonijiet fil-karriera tiegħu bħala The Grinch.   

    Kienu u għadhom popolari l-famużi films komiċi bit-tfajjel Macaulay Culkin fil-parti ta’ Kevin li l-familja tiegħu dejjem jinsew warajhom meta jkunu għal btajjel tal-Milied fl-ewwel żewġ films ta’ “Home Alone”.  Id-direttur taż-żewġ films hu Chris Columbus.  

    Wieħed bir-raġun jistenna li l-ħrafa popolari ta’ Charles Dickens, “A Christmas Carol” issib post fost l-aktar films popolari tal-Milied.  Waħda mill-aqwa verżjonijiet żgur li hi “Scrooge” tal-1970 b’Albert Finney fil-parti prinċipali.  Il-verżjoni li qegħda f’din il-klassifika hi dik li rajna għaxar snin ilu u li kienet animata.  Jim Carrey silef il-vuċi tiegħu għal Scrooge.

    Id-direttur ta’ din il-verżjoni ta’ “A Christmas Carol” hu Robert Zemeckis li tana film ieħor straordinarju animat, “The Polar Express”.  L-istorja hi dwar tifel li f’Lejlet il-Milied, jirkeb ferrovija misterjuża li d-destinazzjoni tagħha kienet iżżur lil Santa Klaws.

    “Elf” hu film komiku b’Will Ferrell li wara li jitrabba fin-North Pole, jiddeċiedi li jmur New York biex isib lill-missieru.

    “The Santa Clause” li ħareġ 25 sena ilu kien popolari ħafna, b’Tim Allen fil-parti ta’ Scott Calvin, li b’mod aċċidentali jikkawża li Santa Klaws jaqa’ minn fuq il-bejt f’lejliet il-Milied.  Scott issa kellu missjoni ġdida.  Is-sequel “The Santa Clause 2” li ħareġ fl-2002 kien mar tajjeb ukoll.

    Is-sequel “Daddy’s Home 2” kien film komiku tajjeb.  Hawnhekk kellna lil Brad (Will Ferrell) u lil Dusty (Mark Whalberg) fil-partijiet ewlenin.  Brad hu miżżewweġ lil Sara (Linda Cardellini).  Dusty hu l-ex-raġel tagħha.  Għal dan il-Milied, is-sitwazzjoni tikkompli ruħha meta il-missirijiet taż-żewġ rġiel jiddeċiedu li jidħlu fix-xena ukoll.  Il-karattru tal-missierijiet huma nterpritati minn John Lithgow u Mel Gibson.

    Fl-għaxar post insibu film ieħor li ħareġ għall-wiri s-sena l-oħra: “The Nutcracker and the Four Realms”.  Il-kumpanija Disney li ħadmet dan il-film kellha aspettattiva kbira fuqu li jmur ferm aħjar milli fil-fatt kien mar.

    Nieqes f’din il-klassifika hemm il-film ta’ Frank Capra, “It’s A Wonderful Life” (1946) b’James Stewart fil-parti ta’ George Bailey li jkun qata’ qalbu mill-ħajja u jikkunsidra li jwettaq suwiċidju f’lejliet il-Milied.  Imma imbagħad jiġi l-anġlu kustodju tiegħu (Henry Travers) u juri lil George kemm hu għen nies u kif il-komunita ta’ Bedford Falls kienet tkun li kieku George qatt ma eżista. Ddan il-film hu fost l-aktar popolari f’dan iż-żmien tal-Milied.  

    Nieqes ukoll “White Christmas” (1954) b’Bing Crosby, Danny Kaye, Rosemary Clooney u Vera-Ellen.  Dan il-film jibqa’ magħruf għat-tmiem kulurit li għandu fejn titkanta l-famuża kanzunetta.  Din il-kanzunetta tkantat għall-ewwel darba f’“Holiday Inn” li ħareġ fl-1942 u meta tkantat f’dan il-film rebħet l-Oscar.   

    Star Wars: The Rise of Skywalker

    Atturi:Adam Driver; Daisy Ridley; Carrie Fisher

    Direttur:J.J. Abrams

    Dan id-disa’ episodju tant fih sorpriżi li l-film toqtlu jekk ma toqgħodx attent xi tgħid min-narrattiva li għandu.  Is-sorpriżi jibqgħu sal-aħħar xena ta’ qabel ic-credits.  Għalhekk mhux ser nidħol f’ebda dettal biex ma ntellef xejn mill-gost li wieħed jieħu meta jarah.

    Li nista’ nassigura hu, li mil-lat ta’ effetti viżwali, l-film hu meravilja.  Madankollu wieħed irid joqgħod attent li xi viżwal u flashing lights li jidhru f'"The Rise of Skywalker" jistgħu ma jkunux adattati għall-persuni li jbatu minn epilessija.

    L-istorja tkompli ftit wara dak li rajna jseħħ f’“The Last Jedi” li rajna sentejn ilu.  Il-bidu tal-film hu mimli ġlied bejn ir-Reżistenza mmexxija mill-Ġeneral Lei Organa kontra l-First Order.  Il-parti tal-Ġeneral Leia tkompli tiġi nterpritata minn Carrie Fisher permezz ta’ xeni meħuda qabel mietet fl-2016.  Hemm xeni fejn anke tidher ma’ atturi oħra u anke tidher qed tgħaddi affarijiet minn idha għal għall-idejn atturi oħra.  Kollha huma mżewġa b’mod konvinċneti.

    Il-film hu prattikalment kollu konfront bejn il-Jedi u s-Sixth li jilħaq il-quċċata b’xeni twal ta’ konfront bejn Rey (Daisy Ridley) u Kylo Ren (Adam Driver).  Il-laqgħa bejn Rey u Luke Skywalker (Markl Hamill) tibdel kompletament id-determinazzjoni ta’ Rey u toħroġ il-qawwa sopranaturali li hemm moħbija ġo fiha.  

    Jirritornaw f’din it-tielet parti tat-tielet triloġija ħafna mill-karattri li saru popolari f’dawn l-aħħar films, fosthom il-ġellied Finn (John Boyega) li kien Stormtrooper u wara qaleb mar-Reżistenza; il-bdot qalbieni tar-Reġiztenza Poe Dameron (Oscar Isaac), u l-Ġeneral Hux (Domhnall Gleeson) tal-First Order.  Hemm parti żgħira imma sinjifikanti għall-karattru li miet f’“The Force Awakens”!

    “Star Wars: The Force Awakens” (Walt Disney Studios–KRS: 12A) għandu jgħoġob lil dawk kollha li segwew b’attenzjoni almenu l-aħħar żewġ films minn din is-saga li ilha magħna mill-1977.  Min ma rax l-aħħar żewġ films, ma nnaħsibx li ser jaqbad l-art.  Naħseb għan-narrattiva li għandu, il-film seta’ kien iqsar u kien ikun aktar effettiv.

    Cats

    Atturi:Idris Elba; Jennifer Hudson; Taylor Swift

    Direttur:Tom Hooper

    Din is-sena, n-nominazzjonijiet għall-Golden Globe Awards dabbru ħafna kritika u sorpriżi.  Il-film “Cats” ġie njorat kompletament ħlief għall-kanzunetta ‘Beautiful Ghosts’ li Andrew Lloyd Webber u Taylor Swift kitbu speċifikalment għal dan il-film.  Taylor Swift għandha l-parti ta’ Bombalurina.

    Il-film “Cats” hu l-verżjoni ċinematografika għall-musical li oriġinarjament inkiteb għal fuq il-palk minn Andrew Lloyd Webber.  Dan il-kompożitur u impreżarju tat-teatru mużikali beda x-xogħol fuqu fl-1977, ispirat minn sensiela ta’ novelli miktuba minn T.S. Eliot.  Imbagħad il-producer Cameron Mackintosh qabbad id-direttur Trevor Nunn u l-korjografista Gillian Lynne biex joħolqu il-musical minn dawn il-kanzunetti ta’ Andrew Lloyd Webber.  Il-musical iddebutta fil-West End fl-1981 u ntlaqa’ tajjeb ħafna.  F’Broadwat iddebutta fis-sena ta’ wara u għall-ewwel ma kellux xi reviews tajbin ħafna.  Fl-Ingilterra dam jittella’ għal 21 sena u fl-Istati Uniti għal 18-il sena.  Il-musical ‘Cats’ hu wieħed mill-aktar shows li ttellgħu fuq il-palk fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

    Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Tom Hooper li fl-2012 tana wkoll “Les Misérables”, “Cats” jirrakkonta kif f’lejl minnhom, tribu ta’ qtates magħrufa bħala l-Jellicles, jagħmlu dik li tissejjaħ il-‘Jellicle Choice’ u jiddeċiedu liema qattus jixraqlu jiġi mgħolli għal dik li tissejjaħ il-Heaviside Layer u jiġi lura f’ħajja ġdida.

    “Cats” (Uiniversal Pictures–KRS) jintroduċi dik li l-kumpanija li pproduċietu qed isejħilha ‘digital fur technology’ – jiġifieri l-fur li jidher fuq l-atturi ġie miżjud b’mod diġitali u mhux libsu kostumi.

    Il-kanzunetta popolari ‘Memory’ hi nterprtitata minn Jennifer Hudson fil-parti ta’ Grizabella.  Minħabba li din il-kanzunetta ma nkitbitx speċifikalment għal dan il-film, ‘Memory’ qatt ma setgħet tkun innominata għall-aħjar kanzunetta fil-Golden Globe Awards u aktar ’l quddiem għall-Oscars.

    Black Christmas

    Atturi:Imogen Poots, Lily Donogue, Aleyse Shannon

    Direttur:Sophia Takal

    Fl-1974, kien ħareġ il-film Kanadiż “Black Christmas” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Bob Clark bl-atturi Olivia Hussey, Keir Dullea u Margot Kidder.  Kien inħadem budġit żgħir ta’ $600,000.  Hu meqjus bħala wieħed mill-ewwel slasher films – sub-ġeneru tal-films tal-biża’ li sploda aktar tard fis-snin sebgħin mal-miġja tal-film “Halloween” fl-1978.

    F’dan il-film kellna grupp ta’ tfajliet li jibdew jirċievu telefonati oxxeni u wara jinqatlu.  Dam kollu jseħħ fl-eqqel tal-perjodu festiv tal-Milied.

    Bħal daż-żmien 13-il sena ilu, kien ħareġ remake maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Glen Morgan.  Din is-sena għandna t-tieni remake.  L-istorja teħodna f’Hawthorne College fejn l-attivitá tibda tikkwieta bi tħejjija għall-btajjel tal-Milied.  Riley (Imogen Poots) u l-klikka tagħha Mu Kappa Epsilon Sisters jibdew jippreparaw għal xi parties.  Imma ħaddieħor kellu pjanijiet oħra.  It-tfajliet jibdew jinqatlu waħda wara l-oħra, hekk kif Riley tibda tistaqsi jekk hi u sħabha jistgħux jafdaw lill-ġuvintur.  Għalhekk, huma jibdew jippjanaw kif ser jirreżistu.

    “Black Christmas” (Universal Pictures–KRS: 15) għandu bħala producer lil Jason Blum.  Dan il-producer jiffinanzja diversi films tal-biża’, imma f’Ottubru tas-sena l-oħra, kumment li hu għadda ħoloq kontroversja kbira.  Meta ħareġ għall-wiri l-ħdax il-film mill-franchise ta’ ‘Halloween’, huwa qal li n-nisa mhux kapaċi jidderieġu films tal-biża’.  Tistgħu timmaġinaw x’reazzjoni kien hemm.  Biex jindem, Blum offra l-flus lil Sophia Takal biex taħdem dan is-slasher film.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook