“Nemmen fis-sorpriża ta’ kull ġurnata” ... 50 sena minn meta Papa Franġisku sar saċerdot

  • Diċ 15, 2019 20:53
  • Miktub minn Robert Aloisio

    Ħamest ijiem qabel ma għalaq 33 sena, nhar is-Sibt 13 ta’ Diċembru 1969, Jorge Bergoglio kien ordnat saċerdot mill-Arċisqof irtirat Ramón José Castellano, fil-kappella tal-Colegio Maximo, il-kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Buenos Aires, l-Arġentina.

    L-ewwel formazzjoni

    L-ewwel skola li attenda Bergoglio, barra dik tal-familja tiegħu, familja tajba ta’ immigranti Taljani, kienet skola Sależjana fi Buenos Aires. Wara, attenda skola sekondarja teknika u ġab id-diploma ta’ tekniku kimiku. Għal xi snin, ħadem bħala inġinier kimiku fis-sezzjoni tal-ikel f’laboratorju.

    F’żgħożitu, Jorge kien ikellem u jħobb tfajla li kien sar jafha mill-grupp ta' ħbieb li magħhom kien imur jiżfen. Iżda wara esperjenza spiritwali qawwija li kellu fil-21 ta’ Settembru 1953, meta kellu biss sbatax-il sena, iddeċieda li jidħol is-seminarju. Ommu ħaditha bi kbira li kien se jsir qassis. Qaltlu li gidbilha għax qabel kien qalilha li se jsir tabib imma Jorge qalilha, “Jiena ma nigdiblekx, mamà. Se nistudja l-mediċina tar-ruħ.” Iżda ommu damet snin biex aċċettat il-vokazzjoni ta’ binha.

    Dakinhar tal-Ordinazzjoni

    Ftit kienu dawk is-saċerdoti li ġew ordnati miegħu. Tgħoddhom fuq id waħda. Ħafna minn dawk li għaxar snin qabel kienu miegħu fin-novizzjat f’Cordoba kienu ħallew. Fl-1969 biss, kienu telqu xi tużżana – biex jiżżewġu, jew biex jingħaqdu fil-ġlieda soċjali, jew it-tnejn li huma – u telqu iktar is-sena ta’ wara, meta fil-provinċja ma daħal ebda żagħżugħ biex isir Ġiżwita.

    Dakinhar tat-13 ta’ Diċembru 1969, jarawh minn tulu fl-art liebes l-abjad fuq l-art ġeblija tal-kappella kien hemm ħutu Alberto (li kien ipprova wkoll il-vokazzjoni Ġiżwita imma telaq) u Oscar; oħtu Maria Elena li għadha ħajja; l-għalliema tiegħu tal-Primarja Estela Quiroga; u ommu, Regina, li ssorprendiet lil binha meta fi tmiem il-quddiesa resqet biex iberikha. Kien hemm ukoll nanntu Rosa, omm missieru, u li kunjomha xebba kien Vassallo, u li issa kienet xjaħet sew, u saret irqiqa u fraġli ferm.

    L-Ittra tan-Nanna Rosa 

    In-nanna Rosa, li Franġisku għadu jikkwotaha fid-diskorsi tiegħu, dakinhar kienet tatu ittra li kienet kitbet f’każ li tilħaq tmut qabel l-ordinazzjoni tiegħu, li sal-lum Franġisku għadu jżomm mitwija fil-Brevjar tiegħu u kienet miegħu ukoll waqt il-konklavi tal-2013. 

    “F’din il-ġurnata sabiħa li fiha tista’ żżomm lil Ġesù fl-idejn ikkonsagrati tiegħek u li fiha triq ġdid se tinfetaħ quddiemek għall-appostolat,” kitbitlu, “Jiena se nagħtik dan ir-rigal żgħir li ma jiswiex ħafna flus imma għandu valur spiritwali kbir.” Kien it-“testment” tagħha, miktub f’taħlita ta’ Spanjol u djalett tal-Piemonte:

    “Jalla n-neputijiet tiegħi, li jiena għalihom tajt l-isbaħ parti ta’ qalbi, ikollhom ħajja twila u ferħana. Iżda jekk xi darba, it-tbatija, il-mard jew it-telfa ta’ xi ħadd għażiż iġarrbuhom, ħalli jiftakru li b’ħarsa waħda lejn it-Tabernaklu, fejn jinżamm l-ikbar fost il-martri, u b’ħarsa waħda lejn Marija f’riġlejn is-salib, iqanqlu qatra balzmu tinżel fuq il-weġgħat l-aktar profondi tagħhom.”

    Irrid nemmen

    Biex iħejji ruħu għall-ordinazzjoni, Bergoglio kien mar irtir ta’ tmint ijiem. Kienet opportunità biex jiżen ħajtu sa dak il-punt u jiltaqa’ ma’ Alla moħbi fiha, biex jirringrazzjah tal-grazzji maqlugħa u jitolbu maħfra għal dawk li rrifjutaha. F’sessjoni ta’ talb ta’ “intensità spiritwali kbira”, huwa kiteb il-kredu personali tiegħu:

    “Irrid nemmen f’Alla l-Missier, li jħobbni bħala iben, u f’Ġesù, il-Mulej, li infonda ħajti bl-Ispirtu tiegħu, biex jagħmilni nitbissem u hekk iġorrni lejn is-Saltna eterna tal-ħajja.

    Nemmen fil-Knisja.

    Nemmen fl-istorja ta’ ħajti, li kienet minfuda mill-ħarsa ta’ mħabba ta’ Alla, li f’dak il-jum tar-rebbiegħa tal-21 ta’ Settembru, ħareġ biex jiltaqa’ miegħi biex jistedinni nimxi warajh.

    Nemmen fl-uġigħ tiegħi, li jisfa bla frott minħabba l-egoiżmu li nistkenn fih. 

    Nemmen fil-miżerja ta’ ruħi, li tfittex li tieħu bla ma tagħti.

    Nemmen fit-tjubija tal-oħrajn, u li rrid inħobbhom bla biża’ u bla ma nittradihom, bla ma qatt infittex is-sigurtà tiegħi.

    Nemmen fil-ħajja reliġjuża.

    Nemmen li rrid inħobb ħafna. 

    Nemmen fin-nar ta’ kull ġurnata, li minnu naħrab imma li jitbissimli, u jistedinni naċċettah. 

    Nemmen fil-paċenzja ta’ Alla, tajba u akkoljenti daqs lejl sajfi.

    Nemmen li missieri jinsab mal-Mulej fil-Ġenna. 

    Nemmen li Dun Duarte qiegħed hemm ukoll, jinterċedi għas-saċerdozju tiegħi.

    Nemmen f’Marija, Ommi, li tħobbni u qatt mhi se tħallini waħdi. 

    U nemmen fis-sorpriża ta’ kull ġurnata, li fiha jidhru mħabba, qawwa, tradiment, u dnub, li se jibqgħu dejjem miegħi sa ma niltaqa’ ma’ dak il-wiċċ meraviljuż li ma nafx, li dejjem jaħrabli, iżda li nixtieq insir naf u nħobb. Ammen.”

    Flawed and Called

    Dan il-kredu partikulari juri kemm kellha għeruq profondi l-identità tiegħu ta’ Ġiżwita, identità ta’ xi ħadd imsejjaħ minn Alla iżda li fl-istess ħin għandu d-difetti tiegħu, “flawed and called” kif isejħulha l-Ġiżwiti.

    Lejlet l-ordinazzjoni tiegħu, huwa kellu it-tliet ħwejjeġ li persuna l-aktar teħtieġ biex timxi ’l quddiem: l-għarfien li inti maħbub, attività li tagħmel sens, u futur li għalih tista’ tittama. Kien fl-istat li San Injazju jsejjaħlu ta’ konsolazzjoni, b’għarfien dirett fil-qalb tal-preżenza ta’ Alla u sens tat-tjubija essenzjali tad-dinja.

    Il-fatt li Jorge kien konxju li kien midneb – l-egoiżmu u l-miżerja ta’ ruħu – ma wasslux biex jiddisprezza lilu nnifsu imma li jintelaq b’kunfidenza bla tarf fil-ħniena tenera ta’ Alla. Lanqas kien hemm dubju f’moħħu, li ħmistax-il sena wara dik il-ġrajja, huwa kien magħżul minn Alla f’dak il-jum tar-rebbiegħa tal-1953.

    Fiduċja f’Alla u fil-Knisja

    Minkejja t-telfa ta’ missieru u tal-konfessur tiegħu, Bergoglio ma kienx qed iħossu waħdu. Wara għaxar snin ta’ talb kuljum, quddies, qari tal-Iskrittura, eżami tal-kuxjenza, u ħin quddiem l-Ewkaristija, huwa sar konxju li kien qed jinġarr minn dawk li ma kienx għadu jara jew imiss.

    Franġisku kien tgħallem ukoll, f’dak iż-żmien ta’ turbolenza fil-Knisja tas-snin sittin, jafda l-Knisja u l-ħajja reliġjuża, fiduċjuż li l-Ispirtu s-Santu kien qed jaħdem fihom biex lilu jwassluh f’daru, fl-aħħar mill-aħħar għand is-Sinjur Alla.

    Papa Franġisku dwar is-Saċerdozju

    Nhar Ħamis ix-Xirka, il-Knisja Kattolika tfakkar it-Twaqqif tas-Saċerdozju. Fl-Omelija ta’ Ħamis ix-Xirka tal-2014, propju sena wara li nħatar Papa, Franġisku tkellem hekk dwar is-saċerdozju:

    “Il-Mulej Alla fi Kristu dilikna b’żejt il-ferħ u din id-dilka tistedinna nilqgħu u nagħmlu tagħna dan id-don kbir: il-ferħ, il-ferħ saċerdotali. Il-ferħ tas-saċerdot hu ġid prezzjuż, mhux biss għalih, imma wkoll għall-poplu fidil kollu ta’ Alla: dak il-poplu fidil li fih is-saċerdot hu msejjaħ biex jiġi midluk u għandu hu mibgħut biex jidilku.”

    Is-saċerdot: persuna ċkejkna

    “... Is-saċerdot hu persuna ċkejkna ħafna: il-kobor bla tarf tad-don li ngħatalna bil-ministeru jqegħidna mal-iċken fost il-bnedmin. Is-saċerdot ikun l-ifqar fost il-bnedmin jekk Ġesù ma jagħnihx bil-faqar tiegħu, hu l-iktar qaddej li ma jiswa għal xejn jekk Ġesù ma jsejjaħlux b’ħabib, l-ibleh fost il-bnedmin jekk Ġesù ma joqgħodx jgħallmu bis-sabar kollu kif għamel ma’ Pietru, l-iżjed dgħajjef fost l-Insara jekk ir-Ragħaj it-Tajjeb ma jsaħħux f’nofs il-merħla tiegħu.”

    “Ħadd m’hu iċken minn saċerdot mitluq għall-forzi tiegħu nnifsu; għalhekk it-talba tagħna ta’ ħarsien kontra kull tnassis tal-Ħażin hi t-talba tal-Omm tagħna: jiena saċerdot għax Hu ħares bi tjieba lejn iċ-ċokon tiegħi. U minn dan iċ-ċokon irridu nitilqu biex nistgħu nagħmlu tagħna dan il-ferħ. Ferħ fiċ-ċokon tagħna!”

    Il-ferħ missjunarju

    “Fil-ferħ saċerdotali tagħna nilmaħ tliet karatteristiċi: hu ferħ li jidlikna (ma jagħmilniex imdellka, lussużi u prużuntużi), hu ferħ li ma jitħassarx, u hu ferħ missjunarju li jdawwal lil kulħadd u jiġbed lil kulħadd lejh, u jitlaq bil-maqlub: mill-aktar imbiegħda.”

    “... Ferħ missjunarju.  Din it-tielet karatteristika rrid naqsamha magħkom u nagħfas fuqha b’mod speċjali: il-ferħ tas-saċerdot jinsab fir-relazzjoni intima tiegħu mal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla għax hu ferħ qabel xejn missjunarju. Id-dilka qiegħda hemm biex biha jindilek il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla: biex jiġi mgħammed u kkonfermat, biex jiġi kkurat u kkonsagrat, biex jiġi mbierek, biex jiġi mfarraġ u evanġelizzat.”

    “U billi dan hu ferħ li jixtered biss meta r-ragħaj hu qalb il-merħla tiegħu (anki fis-skiet tat-talb, ir-ragħaj li jadura lill-Missier jinsab qalb in-nagħaġ tiegħu), hu ‘ferħ imħares’ minn din l-istess merħla.  Anki fil-waqtiet ta’ niket, meta kollox jidher jiddallam u ninħakmu minn sens ta’ iżolament li donnu jiġbidna lejh, f’dawk il-mumenti ta’ apatija u dwejjaq li kultant insibu ruħna fihom fil-ħajja saċerdotali (u li anki jien għaddejt minnhom), saħansitra f’dawn il-mumenti l-poplu ta’ Alla għandu l-ħila jħares fik il-ferħ, għandu l-ħila jipproteġik, jgħannqek, jgħinek tiftaħ qalbek u terġa’ ssib ferħ imġedded.”

    Is-saċerdot fqir

    “Il-ferħ tas-saċerdot hu ferħ li għandu lill-faqar b’ħuh. Is-saċerdot hu fqir f’dak li hu ferħ sempliċiment uman: hu ċċaħħad minn kollox! U għax hu fqir, hu, li jagħti tant ħwejjeġ lill-oħrajn, il-ferħ tiegħu jrid jitolbu lill-Mulej u lill-poplu fidil ta’ Alla.  M’għandux ifittex li jiksbu waħdu.”

    “... Is-saċerdot li jippretendi li jista’ jsib l-identità saċerdotali tiegħu billi jfittixha ġo fih innifsu forsi m’hu ħa jsib xejn ħlief sinjali li jindikaw ‘ħruġ’: oħroġ minnek innifsek, oħroġ fittex lil Alla fl-adorazzjoni, oħroġ u agħti lill-poplu tiegħek dak li ġejt fdat bih, u l-poplu tiegħek jieħu ħsieb jgħinek tħoss u tiggosta dak li int, x’jismek, liema hi l-identità tiegħek, u jferrħek bil-mija bil-wieħed li l-Mulej wiegħed lill-qaddejja tiegħu. Jekk ma toħroġx minnek innifsek, iż-żejt jibda jitlef u d-dilka ma tistax tagħmel frott.  Biex noħorġu minna nfusna rridu ninżgħu lilna nfusna, irridu niftaqru.”

    “... Min hu msejjaħ jaf li f’din id-dinja jeżisti ferħ ġenwin u sħiħ: dak li hu ġie magħżul minn qalb il-poplu li hu jħobb biex jerġa’ jintbagħat għandu jqassamlu d-doni u l-faraġ ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb waħdieni li, mimli bi ħniena qawwija għaċ-ċkejkna u l-imwarrbin kollha ta’ din l-art, imħabbta jew imtaqqla bħal nagħaġ bla ragħaj, ried isieħeb lil bosta fil-ministeru tiegħu biex jibqa’ magħna u Hu nnifsu jaħdem, fil-persuna tas-saċerdoti tiegħu, għall-ġid tal-poplu tiegħu.”

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0