Viżjoni strateġika fis-settur soċjali msaħħa bl-użu tat-teknoloġija

  • Diċ 15, 2019 15:15
  • Miktub minn Melvin Farrugia

    Kull sena fis-settur soċjali jingħataw aktar minn 300 servizz li jiswew lill-amministrazzjoni pubblika ‘l fuq minn €200 miljun. Wara evalwazzjoni ta’ dawn is-servizzi, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħasset il-bżonn li tagħmel viżjoni strateġika għas-seba’ snin li ġejjin, fejn wieħed mill-pilastri ewlenin tagħha se tkun sistema integrali li timmassimizza l-użu tat-teknoloġija, filwaqt li tpoġġi lill-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fiċ-ċentru tagħha. 

    Inewsmalta tkellmet dwar dan mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Matthew Vella li spjega li meta llum bħala pajjiż għandna diversi strateġiji dwar it-teknoloġija u qegħdin nitkellmu dejjem aktar dwar blockchain u intelliġenza artifiċjali, irridu nkunu fuq quddiem biex anke fil-ħarsien soċjali nimmassimizzaw l-użu tat-teknoloġija. Qal li dwar dan anke kkonsultaw ma’ regolaturi internazzjonali biex jesploraw x’qed isir minn ħaddieħor. 

    Rigward l-għażla tat-teknoloġija li se tintuża, Vella qal li l-awtorità kkonsidrat il-mod ta’ kif qiegħda tiġi analizzata l-informazzjoni li tinkiseb. Spjega kif matul din is-sena saru ‘l fuq minn 900 spezzjoni u għalhekk inġabret minjiera ta’ informazzjoni. Dwar l-ispezzjonijiet, hu qal li l-iskop tagħhom mhuwiex li jsibu affarijiet ħżiena, iżda li tingħata l-għajnuna ħalli min jipprovdi s-servizz jirrifletti fuq dak li qed jagħmel, filwaqt li jidentifika fejn jista’ jtejjeb ħalli jagħti servizz ta’ kwalità. 

    Semma kif proprju fil-qalb ta’ din il-viżjoni, hemm il-kwalità tas-servizz u l-aħjar interess ta’ min qed jirċevieh. Min-naħa l-oħra, hemm il-ħsieb li tonqos il-burokrazija, ħalli l-professjonisti jiffokaw aktar fuq il-ħidma tagħhom man-nies u jkunu aktar viċin tagħhom. 

    Vella qal li t-teknoloġija m’għandhiex tkun hemm biex tillimita dan il-kuntatt, anzi biex tipprovdi aktar għodod lill-professjonisti ħalli jevitaw ħafna karti u burokrazija. Saħaq li fejn hemm proċessi li jistgħu jiġu automatizzati, dawn għandhom isiru hekk, filwaqt li proċessi li jitolbu intervent uman jibqgħu kif inhuma u jkun hemm aktar ħin għalihom. 

    Matthew Vella qal li bħala proġett pilota se jibdew mis-settur tal-adozzjonijiet. Spjega kif ftit tax-xhur ilu ltaqgħu ma’ konsulent tekniku mill-Kanada, mill-Università ta’ McGill, fejn iddiskutew dwar kif il-proċess tal-adozzjonijiet jista’ jsir permezz ta’ sistema tal-blockchain. Qal li dan il-konsulent wera interess u ġie Malta. Ħadmu miegħu biex dan il-kunċett jibda jingħata l-ħajja u fis-snin li ġejjin l-awtorità se tibda taħdem biex il-proċess kollu tal-adozzjonijiet ma jibqax isir bil-karti, iżda permezz ta’ blockchain magħluqa, ħalli n-nies ikunu rashom mistrieħa li hi sistema sigura. 

    Vella qal li l-entitajiet u dawk li jużawha se jkollhom aċċess għall-parti tal-informazzjoni li hi rilevanti għalihom. Bħala sistema mhix se taħdem fuq il-kunċett ta’ Smart Contracts, iżda se tkun sistema ibrida fejn jekk għandek ċerti proċessi awtomatizzati jsiru waħedhom (bħall-verifiki), filwaqt li s-sistema tippermetti wkoll l-intervent tal-professjonisti. Dwar dan, Vella spjega li jekk ikun hemm bżonn intervent ta’ espert mediku biex jagħti l-opinjoni tiegħu f’rapport, jew inkella intervent tal-bord tal-adozzjonijiet, dawn se jkollhom aċċess għal livelli differenti tas-sistema biex iwieġbu sa ċerta żmien stipulat li jingħata wkoll mis-sistema.

    Matthew Vella qal li l-awtorità trid twassal messaġġ ċar li jekk proċess jieħu xahar, dan m’għandux jieħu iżjed. Qal li l-proċess se jkun wieħed stabbilit minn qabel u s-sistema se tibgħat tfakkar lill-professjonisti sa meta jridu jirrispondu. Barra minn hekk, qal li kull dokumentazzjoni li tiġi mtella’ fuq il-blockchain se tiġi awtentikata minnufih. Qal li b’dan il-mod se jibagħtu messaġġ lill-ġenituri adottivi li l-awtorità trid tkun aktar trasparenti u sserrħilhom rashom waqt il-proċess. 

    Vella kompla jsostni li dan mhux biss se jiffaċilita l-proċess u jnaqqas il-burokrazija, talli se jiżgura li d-dokumentazzjoni tkun awtentika. Barra hekk, qal li t-tfal adottati li jistaqsu dwar l-oriġini tagħhom, se jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni fuq il-blockchain u mhux se jkun hemm sitwazzjonijiet fejn xi ħadd isib biss xi karta waħda dwaru. 

    Mistoqsi dwar l-elementi ta’ sigurtà f’din is-sistema, Vella qal li s-sigurtà se tingħata prijorità. Fil-fatt, hu qal li ftit ġimgħat ilu l-awtorità kellha ċ-ċans li tippreżenta l-idea tagħha waqt konferenza internazzjonali dwar it-tiftix tal-oriġini fi Bratislava, fejn preżenti kien hemm anke l-Ministru Michael Falzon. F’din il-konferenza kien hemm regolaturi kbar, fosthom il-Belġju, l-Olanda u l-Italja. Qal li dawn kollha faħħru l-idea, tant li qalulhom li jridu jkunu msieħba fil-proġett. Għalhekk Vella qal li filwaqt li telqu minn punt fejn riedu jsemmgħu l-idea, issa spiċċaw f’pożizzjoni fejn se jkollhom imsieħba fil-proġett li se jiltaqgħu magħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

    Riforma li tat riżultati fis-settur tal-adozzjonijiet

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qal li ma jiddejqux jaqsmu l-ideat u anke jkunu pijunieri fis-settur. Spjega li dak li qed isir illum mhux qed isir fis-sħab, iżda permezz ta’ riforma li bdiet bħal dan iż-żmien sena. Spjega kif dak iż-żmien kien inħass il-bżonn li s-settur tal-adozzjonijiet issirlu riforma fuq tliet pilastri, li kienu pjattaforma kollaborattiva li għaddejja u tagħti l-ħajja lill-awtorità; linji gwida permezz tal-istandards soċjali regolatorji li pajjiżi barranin qegħdin anke jitolbu biex isiru jafu aktar dwarhom; u issa wasal iż-żmien ta’ pjan fit-tul li jinkludi strateġija nazzjonali għat-tfal u l-familji tagħhom li se twassal sal-2022.  

    Vella qal li matul l-ewwel sena ġiet irranġata l-fragmentazzjoni fis-settur, filwaqt li l-operat sar aktar strutturat. Semma kif ingħata bidu għal taħriġ speċjalizzat fost il-professjonisti, fosthom għall-ħaddiema soċjali u l-psikoloġi. Spjega li l-awtorità ħadet ukoll l-inizjattiva biex l-aġenziji akkreditati jingħataw ukoll taħriġ, filwaqt li kienet hi stess li tat it-taħriġ. Vella qal li kien ta’ pjaċir tara aġenziji li investew huma stess fit-taħriġ u saħaq li dan ifisser li l-istrateġija qiegħda taħdem u tinkoraġġixxi biex ikun hemm l-inizjattiva. 

    Studju li kkonkluda l-bżonn ta’ sistema teknoloġika

    Matthew Vella semma kif settur li kien qed jinkwieta lill-awtorità kien dak tas-servizzi ta’ wara l-adozzjonijiet. Qal li anke hawn raw bidla mill-ewwel ftit taż-żmien, fejn element importanti kien li twaqqaf kumitat ta’ simplifikazzjoni u kumitat ieħor ta’ riċerka. Spjega li dawn twaqqfu fl-ewwel sitt xhur, b’wieħed jara x’qed jiġri fuq livell akkademiku, filwaqt li l-ieħor jara fuq livell prattiku. Spjega li ġie studjat il-proċess kollu tal-adozzjonijiet u finalment waslu għall-konklużjoni li hemm bżonn sistema teknoloġika. 

    Vella qal li l-awtorità għandha pjan ċar fl-adozzjonijiet u dan qed jitwettaq. Sostna li l-miżuri li kellhom jittieħdu fl-ewwel sitt xhur sa minn meta twieldet u ġiet imnedija l-istrateġija ntleħqu. 

    Viżjoni strateġika għas-seba’ snin li ġejjin

    Intant, Matthew Vella qal li x-xahar li ġej l-awtorità se tniedi viżjoni strateġika għas-seba’ snin li ġejjin, ibbażata fuq sistema teknoloġika. Qal li din is-sistema mhux biss se ssir fuq l-adozzjoniijet, iżda se tinħoloq sistema integrata, simili għal dik li kienet inħolqot fis-settur tan-negozju biex tħaffef il-proċess tal-ftuħ ta’ kumpaniji ġodda fi ftit jiem. Qal li qed jintuża l-istess kunċett għal min jixtieq jiftaħ ċentru jew jikseb liċenzja fis-settur tal-ħarsien soċjali. Spjega li b’dan il-mod ma jibqgħux jintużaw aktar karti, imma jkun hemm sistema integrata waħda. Din mhux biss se tkopri l-liċenzji, iżda se tgħin ukoll lill-assessuri biex meta jdaħħlu r-rapporti tagħhom, dawn jipprovdu minnufih ir-rakkomandazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz u jkollhom sezzjoni fejn ikun jistgħu jweġbuhom, jinteraġixxu magħhom u jżommu djalogu. Barra minn hekk, ikunu jistgħu jinkludu pjan, miri li jridu jintleħqu u ż-żminijiet sa meta jridu jitwettqu. B’dan il-mod, l-awtorità se tkun tista’ ssegwi b’mod aktar ċar u strutturat. 

    Analiżi tal-informazzjoni minn tim speċjalizzat

    Barra hekk, Vella qal li l-awtorità qiegħda tmur pass ‘il quddiem u tuża mudell ta’ social intelligence. Sostna li bħalma fin-negozju jintuża l-kunċett ta’ business intelligence, hekk ukoll jista’ jsir fil-qasam soċjali. Spjega li bħala awtorità qabdu ħames dimensjonijiet ta’ kif jistudjaw il-mod kif jingħata s-servizz. Qed jitkellmu mal-maniġment, mal-professjonisti, ma’ min jirċievi s-servizz u mal-qraba tagħhom. L-informazzjoni li tinġabar imbagħad tmur għand tim speċjalizzat li juża software apposta, fosthom il-Microsoft Dynamics, biex jifhem eżatt x’tendenzi qegħdin jaraw f’dak is-servizz partikolari. B’dan il-mod, lil min jipprovdi s-servizz ikunu jistgħu jagħtuh stampa ċara li jekk ċerta miżuri ma jkunx qed jimplimentahom, wara ċertu żmien se jiffaċċja r-riperkussjonijiet. 

    Matthew Vella qal li l-awtorità qiegħda tkun ċara fil-ħsieb tagħha, li timmassimizza l-użu tat-teknoloġija permezz ta’ indikaturi bikrin, ħalli tkun tista’ taħseb u tifhem b’mod proattiv u preventiv. Qal ukoll li l-informazzjoni miksuba mhix se tinżamm mill-awtorità, iżda se tiġi mgħoddiha lil min jipprovdi s-servizz għax b’dan il-mod biss iħarsu lejn il-kwalità tas-servizz li joffru. Qal li bħala regolaturi se jkomplu jaħdmu viċin ta’ min jipprovdi u jirċievi s-servizz biex inkunu konxji tal-problemi li jista’ jkun hemm. 

    Vella qal li dan is-social intelligence m’għadux fuq il-karta għax fil-ġimgħat li għaddew sar proġett pilota fis-settur tad-dipendenzi. Dawk li jipprovdu s-servizzi, jiġifieri s-Sedqa, il-Caritas u l-Oasi kienu kollha involuti. Jgħid li kien eżerċizzju brillanti fejn permezz tal-pjattaforma kollaborattiva tlaqqgħu l-fornituri u b’mod ġenerali spjegawlhom x’hemm tajjeb fis-settur u x’affarijiet hemm bżonn li jitjiebu. Jistqarr li kien hemm affarijiet komuni li anke l-fornituri tas-servizzi semmewhom. Sostna li l-awtorità marret lura għandhom bir-riżultati tar-riċerka li saret u dan kien apprezzat mill-fornituri tas-servizzi. Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv qal li kien hemm xi ħadd minn fost dawk li jipprovdu s-servizzi li qalilhom li ħa gost b’dak li qalulu relatat mas-servizz għax sar jaf ukoll xi jħoss min qed jirċievi s-servizz. 

    Vella qal li din hi l-viżjoni tal-awtorità, li sservi ta’ ispirazzjoni għal min jipprovdi s-servizz. Sostna li tant ħadem dan l-eżerċizzju, li qegħdin jaraw aktar fornituri li jieqfu u jisimgħu lil min jirċievi s-servizz. Saħaq li din trid tkun il-prijorità. 

    Fil-fatt, Vella żvela li mill-ewwel kwart tas-sena li ġejja se jifformaw service users advisory group. Spjega li dan se jkun pass ieħor ‘il quddiem, fejn min jirċievi s-servizz u l-qraba tagħhom se jingħata vuċi. 

    Barra minn hekk, qal li fil-viżjoni strateġika għas-seba’ snin li ġejjin se jmorru anke iżjed lil hinn. Spjega li fl-ispezzjonijiet li jsiru għall-proċess ta’ liċenzjar se jinvolvu b’mod dirett lil min qed jirċievi s-servizz. Mhux biss se jisimgħu lill-maniġment u lill-professjonisti, u jevalwaw il-post, talli se jinvolvu direttament lil min qed jirċievi s-servizz. Qal li kull sena min jipprovdi s-servizz irid iġedded il-liċenzja u għalhekk se jkunu qed jistaqsu lil min juża s-servizz biex jgħidilhom x’hemm tajjeb u x’jixtieq li jtejjeb. Sostna li l-użu tat-teknoloġija se jgħin f’binarji importanti, bħall-assigurazzjoni tal-kwalità u l-mod kif isiru l-investigazzjonijiet. Għalhekk qal li t-tip ta’ websajt li se tiġi żviluppata fis-snin li ġejjin se tuża b’mod sħiħ l-intelliġenza artifiċjali ħalli jitħaffef il-proċess u tiġi simplifikata l-ħajja ta’ ħafna nies. 

    Fl-istess waqt, Vella qal li l-awtorità tieħu ħsieb li anke tagħmel awditjar tagħha nnifisha. Fil-fatt, qal li bħalissa għaddejjin kuntatti ma’ aġenzija akkreditatata internazzjonali li takkredita regolaturi biex jiġu Malta, jevalwaw ix-xogħol tal-awtorità u jaraw li topera kif suppost. 

    Vella stqarr li meta fil-bidu tal-awtorità kienu jsemmu l-aspett tat-teknoloġija, kien hemm min jibqa’ jħares lejhom. Qal li b’differenza minn hekk, minn ftit ġimgħat ‘l hawn, meta ppreżentaw l-ideat b’mod konkret, kien hemm regolaturi Ewropej u msieħba internazzjonali li bdew jgħidulhom li din hi t-triq ‘il quddiem. Vella spjega kif bħala pajjiż għandna vantaġġ, li pajjiżi oħra lesti jikkollaboraw magħna għax nistgħu nkunu proġett pilota ideali għall-popolazzjoni u l-ammont ta’ servizzi li għandna. Qal li l-awtorità ma tiddejjaqx tkun pijuniera ħalli s-settur soċjali jkun innovattiv u juża t-teknoloġija. 

    Fuq kollox, Vella qal li t-teknoloġija għandha sservi ta’ pont biex ikun hemm aktar persuni indipendenti, aktar persuni vulnerabbli li jimmassimmizzaw il-potenzjal tagħhom u li jilħqu livell ta’ kwalità għoli. Min-naħa l-oħra, qal li se tgħin ukoll lil min jipprovdi s-servizz biex iżid it-trasparenza u l-kontabbiltà, filwaqt li jkun żgurat il-valur għall-flus li jiġu mit-taxxi tan-nies.

    Vella qal li fl-ewwel 12-il xahar diġà raw bidla fil-kwalità. Fl-istess waqt, hu appella lill-qraba ta’ min jirċievi s-servizz biex ikunu viċin tagħhom għax għandhom irwol importanti. Qal li hu importanti li dawn il-persuni jieħdu servizz tajjeb imma hu importanti li jkollhom l-appoġġ tal-eqreb nies tagħhom. Qal li l-awtorità titkellem ma’ dawn il-persuni, li jgħidulek li jixtiequ li jmorru jarawhom qrabathom.

    Intant, dan il-proġett mistenni jibda s-sena d-dieħla, permezz ta’ proġetti pilota. Sal-aħħar ta’ din is-sena għandhom jitlestew l-e-forms biex il-formoli kollha tal-awtorità jkunu disponibbli f’format diġitali u jitħaffef il-proċess u tonqos il-burokrazija. Imbagħad sal-aħħar tas-sena d-dieħla għandha titlesta l-applikazzjoni fuq il-mobile li flimkien mal-e-forms għandhom ikunu parti mis-sistema integrali. B’dan il-mod, l-informazzjoni tinġabar mill-e-forms, filwaqt li mill-applikazzjoni tal-mobile jinkiseb ir-rispons tan-nies. Il-ħaddiema tal-awtorità, li għandhom tablet u jimlew l-informazzjoni fuqha waqt iż-żjarat li jagħmlu, jkunu jistgħu jdaħħlu l-informazzjoni mal-ewwel fis-sistema u din tiġi evalwata mit-tim tal-liċenzji. Dan it-tim ikun jista’ jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet u jagħti r-rispons li dawk li jipprovdu s-servizz. Fl-istess waqt, it-tiġdid tal-liċenzji jkun jista’ jsir bl-istess sistema u b’mod awtomatiku. 

    Mathew Vella sostna li sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla dan il-proġett mistenni jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kabinett. Fl-istess waqt, sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu tlestew l-elementi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Ladarba s-sistema tiġi approvata mill-Kabinett, imbagħad ikun jista’ jingħata bidu biex tinħoloq din is-sistema. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0