“Isem Malta ma jixraqlux jitniżżel fil-baxx”

  • Diċ 13, 2019 12:25
  • Miktub minn Maria Azzopardi

    Filwaqt li llum Malta tiċċelebra l-ħamsa u erbgħin sena minn meta Malta saret Repubblika, għal din l-okkażjoni l-President ta’ Malta George Vella indirizza lil dawk preżenti ġewwa s-sala Gran Kunsill, il-Palazz, il-Belt Valletta fejn b’sens ta’ responsabbiltà tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti li għaddej minnu l-pajjiż, dawk li fi kliemu huma ċirkostanzi partikolari li jixirilqilhom l-attenzjoni kollha ta’ kull wieħed u waħda minna u li dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu analizzati mingħajr passjoni, mingħajr ma wieħed iħares lejn uċuħ, mingħajr ma wieħed iwebbes rasu u mingħajr aġenda politika.

    Fl-isfond tal-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-President Vella qal li mhux biżżejjed li ngħidu li jiddispjaċina għal dak li ġara iżda rridu naraw li ssir ġustizzja u naċċertaw li l-ġustizzja tkun tidher li qiegħda ssir. 

    Marbut ma’ dan, il-President qal li mhux sewwa li titpinġa kerha Malta kollha. “Malta hija ħafna aktar minn kwalunkwe grupp ta’ nies, kienu minn kienu, li huma involuti. L-irwol ta’ pajjiżna fil-ħolqien ta’ dak kollu li huwa tajjeb u għall-ġid tal-poplu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali m’għandux jiġi mirdum taħt il-ħażin li sfortunatament ġara.”

    Ċirkostanzi li għeżżew u għamlu effett ħażin fuq il-kredibilità ta’ pajjiżna

    Fi kliem il-President, dawn iċ-ċirkostanzi skossjaw is-soċjetà Maltija, għeżżew l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u qegħdin iħallu effett ħażin ħafna fuq il-kredibilità ta’ pajjiżna, fuq in-negozji, fuq it-turiżmu u fuq l-investiment ġewwa pajjiżna.

    “Isem Malta ma jixraqlux jingħata aġġettivi derogattivi u jitniżżel fil-baxx. Pajjiżna għandu jibqa’ jġorr ir-rispett għat-tajjeb kollu li għamel matul is-snin,” qal il-President Vella.

    Is-sistema demokratika se twassalna għal tranżizzjoni serena

    Huwa żied jgħid li s-sistema demokratika se twassalna għal tranżizzjoni serena minn dan il-mument ta’ taqlib, lura għan-normalità. Huwa qal li din hija l-unika triq li nistgħu nsegwu u dan għandu jgħaqqadna f’dan il-mument. “Fuq kollox,” qal Vella, “għandna nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jkunux mhedda f’xogħolhom u jingħataw is-saħħa u l-ħarsien, biex fis-serenità kollha jaqdu d-doveri tagħhom. Lil kull min iġorr xi forma ta’ responsabbiltà politika, istituzzjonali jew Kostituzzjonali, inħeġġu biex iwieżen għemilu u jaġixxi wara li fil-kalkoli tiegħu jkun poġġa l-interess Nazzjonali qabel dak personali.”

    Il-President ħa deċiżjonijiet b’kuxjenza serena fil-limiti imposti fuqu mill-Kostituzzjoni

    Il-President spjega li dak li kien qiegħed jgħid kien tassew diffiċli għalih u li qatt m’għaddielu minn moħħu li xi darba kien se jitkellem fuq pajjiżna b’ton ta’ dispjaċir u b’qalb tqila. Huwa nnota wkoll kif uħud interpretaw is-silenzju tiegħu matul dan il-perjodu, fid-dover tiegħu ta’ Kap ta’ Stat bħala nuqqas. “Hemm min għadu jaħseb li bħala President, minbarra l-awtorità morali, għandi xi poteri li bihom nikkmanda x’għandu jsir,” qal il-President Vella, “Smajt u għarbilt. Tajt il-pariri li deherli li kelli nagħti u żammejt lura milli nippronunzja ruħi pubblikament. Matul il-ħin kollu kont lest li, jekk jiżviluppaw ċerti ċirkostanzi, nintervjenti.”

    Il-President spjega li fid-deċiżjonijiet li kien mitlub jieħu, ħa l-informazzjoni meħtieġa mingħand min huwa obbligat jipprovdilu l-informazzjoni, ikkonsulta ma’ min għandu fiduċja fil-professjonalità u ħa deċiżjonijiet b’kuxjenza serena, fil-limiti imposti fuqu mill-Kostituzzjoni.

    Huwa tenna l-appell tiegħu biex napprezzaw u nkunu kburin bil-kwalitajiet tajba li għandna bħala poplu. “Ejjew nużaw aktar enerġija biex flimkien insolvu dawn il-problemi, minflok noqgħodu nippuntaw subgħajna lejn xulxin u nakkużaw lil xulxin,” qal il-President Vella.

    Ritratt: Roger Azzopardi

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0