Minkejja d-diżabilità jittrijonfa fis-soċjetà

  • Diċ 13, 2019 09:34
  • Miktub minn iNews

    Matthew Chetcuti - rebbieħ tal-Premju Soċjetà Ġusta li tonora lil dawk il-persuni li minkejja d-diżabilità tagħhom jittrijonfaw fis-soċjetà bil-kisbiet u l-ħiliet tagħhom. Huwa wkoll il-Viċi-Sindku tar-Rabat.

    Irrakkontalna ftit dwar it-tfulija tiegħek.

    Jiena persuna b’diżabilità fiżika bil-kundizzjoni tas-cerebral palsy li taffettwali l-aktar saqajja, għalkemm ġejja mill-moħħ. It-tfulija tiegħi kienet tfulija pjuttost normali għax dejjem ġejt mgħallem biex inkun indipendenti kemm nista’. Apparti l-iskola b’mod normali, jiena għamilt 12-il sena fil-1st Rabat Scouts Group. Kont nilgħab goalkeeper għarkuptejja mal-art ġol-iskola. Kont attiv ukoll maż-żgħażagħ tal-festa ta’ San Ġuzepp ġewwa r-Rabat. Dan kollu wassalni sabiex nagħmel ħafna affarijiet minkejja l-limitazzjonijiet li dejjem kelli.

    Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’emozzjoni ħassejt meta riċentament ġejt onorat waqt is-serata annwali Premju Soċjetà Ġusta?

    Ħassejt emozzjoni daqsxejn imħallta għax għalkemm jiena konxju li nipprova nagħmel differenza fin-nies ta’ madwari, qatt ma kont nistenna li kont se niġi ppremjat għal dan għaliex għalija hija xi ħaġa awtomatika. Min-naħa l-oħra, apprezzajt ħafna għaliex dak il-ħin bdew ġejjin memorji tal-affarijiet kollha li għamilt. Jiena nagħmel dan kollu għax nemmen bis-sħiħ fil-kelma inklużjoni. 

    Ġieli sibt xi diffikultajiet waqt l-istudji tiegħek minħabba d-diżabilitá tiegħek?

    Iva, iżda f’età żgħira għelibtha għax kelli l-assistenza ta’ Learning Support Assistant. F’livell terzjarju, kelli problema għaliex dak iż-żmien, il-Learning Support Assistant kienet tinqata’ b’mod drastiku minflok gradwalment. Kelli problema wkoll fl-ivjaġġar bejn id-dar u l-iskola. Dawn wassluni sabiex sfortunatament niddroppja.

    Ġieli ġejt diskriminat fuq il-post tax-xogħol minħabba l-istess diżabilitá?

    Qatt ma ħassejt li ġejt diskriminat fuq il-post tax-xogħol anzi kuntrarjament dejjem ingħatajt l-għajnuna neċessarja sabiex naqdi dmirijieti bl-aħjar mod possibbli.

    Nisimgħu ħafna bl-idea tal-ugwaljanza għal kulħadd b’mod partikolari fejn jidħlu persuni b’diżabbilta’. Issa meta persuni bħal dawn jaqbżu xi kju, naħseb illi hemmhekk ma nkunux qed nużaw l-ugwaljanza. Kif tirribatti għal dan il-kumment?

    Meta nitkellmu fuq diżabilità, ma nistgħux nitfgħu lil kulħadd taħt kappa waħda għaliex hemm livelli differenti ta’ diżabilità. Għaldaqstant, kull każ huwa speċifiku. Ngħid biss illi għandu jiġi mill-buon sens tal-bniedem li jippermetti persuna li għandha bżonnijiet speċjali tieħu priorità. Ċertament, in-nuqqas t’ugwaljanza ma nemminx li għandha tinħass f’dan is-sens. Il-maġġor parti taċ-ċittadini huma ta’ rieda tajba u nisħaq li qatt ma sibt lil xi ħadd li prova jieħu tiegħu jew tagħha f’dan is-sens anzi dejjem fehmu l-bżonn. Min-naħa l-oħra, l-abbuż qatt ma jista’ jiġi ġustifikat lanqas mill-persuni b’diżabilità nfushom.

    Nitkellmu dwar id-diżabbiltà u s-sesswalita’. Jistgħu koppja li jkunu t-tnejn b’diżabbilta’ jibdew xorta waħda storja ta’ mħabba bejniethom?

    Iva, nemmen li din hija possibli. Għalkemm b’diffikultà ikbar għal raġunijiet ovvji, nemmen li 'where there’s a will, there’s a way'. Ovvjament nifhem li jkollhom bżonn assistenza speċifika. Persuna b’ diżabilità hija persuna normalissima u f’ħafna mid-drabi hi stess tkun konxja minn dak li huwa vijabbli jew le. Għaldaqstant, f’diżabiltajiet aktar severi speċjalment dawk ta’ intellett, nemmen li għandna naħdmu aktar biex insibu metodi kif dawn in-nies ikollhom relazzjoni għax kull persuna fid-dinja għandha l-ġibdiet u l-bżonnijiet sesswali tagħha, anke dawk b’diżabilità

    Minkejja kollox qed naraw każijiet fejn xi persuni b’diżabbilita’ jirrikorru għal prostituzzjoni. Kien hemm sitwazzjonijiet fejn xi nies ħadu xi mard sesswali li ġie trasmess. X’tikkumenta dwar dan?

    Għal darb’oħra għandna nagħmlu distinzjoni fid-diżabiltajiet. X’irrid infisser: il-bniedem għandu ċerti bżonnijiet bażiċi marbutin mas-sesswalità li jrid jagħmilhom bilfors għax huma naturali. Jekk dan il-persuna jkun f’pożizzjoni li jinqeda minn dawn il-bżonnijiet waħdu imma xorta juża servizzi sesswali, hemmhekk tiġi prostituzzjoni. Jekk għandek persuna li l-bżonnijiet sesswali bażiċi ma jistax jagħmilhom, dik ma tiġix prostituzzjoni imma tiġi għajnuna bħal kull tip t'għajnuna oħra. Ovvjament, persuna li tuża servizzi sesswali għandha ċertu sogru imma mhux għax hija persuna b’ dizabiltà iżda għax dawn l-affarijiet jistgħu jiġru lil kulhadd. Jiena nemmen li f’dan is-suġġett għandna nagħmlu d-distinzjonijiet neċessarji u niddiskutu l-persuna b’diżabilità abbażi personali. 

    Nitkellmu dwar ix-xogħol. Dan l-aħħar daħlet liġi illi kumpanija trid timpjega persuni b’diżabilita’ sabiex tagħtiha ċans tintegra fid-dinja tax-xogħol. X’taħseb dwar din il-liġi?

    Ovvjament, din il-liġi hija waħda pożittiva ħafna għaliex għalkemm Malta qed issir aktar inklussiva, sfortunatament l-inklużjoni għadha mhix xi ħaġa awtomatika għal kulħadd. Għalhekk nemmen li l-Gvern kellu jimbotta proposti f’dan ir-rigward sabiex ikompli jinċentiva lin-negozji sabiex ma joqgħodux lura milli jimpjegaw persuni b’diżabilità.

    Kuntent bl-iżviluppi illi saru f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-persuni b’diżabilita’ jew fadal xi ħaġa illi għadha ma saritx?

    Kuntent ħafna bl-iżviluppi li saru fis-settur speċjalment fuq bażi finanzjarja bħaż-żieda fil-pensjoni, emendi f’liġijiet favur id-dritt tax-xogħol kif ukoll liġijiet oħra. Madankollu, issa għandna nħarsu wkoll lejn sfidi li mhumiex materjali bħat-trattament li persuni b’diżabilità jingħataw mis-soċjetà ċivili. Għandna nedukaw iktar lill-pubbliku sabiex il-kelma 'inklużjoni' tiġi mwettqa fl-intier tagħha. Il-kelma tqila 'inklużjoni' kulma tfisser hija li tgħin lill-persuna sa fejn għandek tgħinha iżda mbagħad tħalliha tibni ħajjitha kif toħlom hi.

    Xi tgħidli dwar l-aċċessibiltà li għandna fil-postijiet tagħna. Ġieli ssib toroq illi mhux dejjem ikollhom rampi. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan kollu?

    Jien nemmen li fejn tidħol aċċessibiltà għamilna avvanzi iżda baqalna ħafna x’nagħmlu għaliex noħlom li ngħix ġo pajjiż li kemm jista’ jkun ikun aċċessibli. Kemm ili Viċi-Sindku tar-Rabat, sirt nifhem ukoll in-naħa l-oħra tal-munita għax sfortunatament hemm postijiet li minħabba l-istruttura tagħhom, ma jistgħux ikunu aċċessibbli. Madankollu, nemmen li postijiet pubbliċi bħal Dipartimenti tal-Gvern, ħwienet eċċ għandhom ikunu aċċessibbli għax persuni b’diżabilità għandu jkollhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal kull ċittadin ieħor. 

    Nixtieqek tgħaddili l-aħħar messaġġ lil dawk il-persuni b’diżabilità illi jixtiequ ħajja aħjar milli għandhom.

    Jien inħeġġeġ li kull persuna b’diżabilità jersaq 'il quddiem biex jagħti l-opinjonijiet tiegħu sabiex flimkien naslu. B’hekk inkunu qed nolqtu wkoll lil dawk il-persuni b’diżabilità li sfortunatament ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom. Noħlom li nkun ngħix ġo soċjetà li f’kull istituzzjoni tal-pajjiż ikun hemm persuna b’diżabilità. B’hekk, inkunu verament inklussivi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0