L-ERA toħroġ Ordni ta’ Konservazzjoni fil-Mensija fuq is-sit tal-iżvilupp propost tant oġġezzjonat

  • Diċ 11, 2019 17:28
  • Miktub minn iNews

    L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni u Avviż ta' Protezzjoni fil-Mensija, limiti ta’ San Ġwann li tinkludi s-sit ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp propost bin-numru PA / 04214/19.  Din l-applikazzjoni diġà attirat aktar minn 260 oġġezzjoni mill-pubbliku, residenti u NGOs. Id-dettalji ta’ din l-Ordni ta’ Konservazzjoni kienu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 20.297 tad-19 ta’ Novembru taħt l-avviż tal-gvern nru. 1476 tal-2019.

    Iż-żona protetta, imsejħa l-Istruttura Ġeomorfoloġika (Solution Subsidence Structure) fl-inħawi Tal-Mensija, kienet iddikjarata bħala Żona Speċjali ta’ Importanza Ġeoloġika. Dan sar bil-għan li jkunu kkonservati u protetti, u dan b’mod integru, il-ġeoloġija u l-ġeomorfoloġija ta’ dan is-sit minħabba l-karatteristiċi naturali li jkopru l-flora, l-fawna, l-abitat naturali u l-istrutturi uniċi tal-għerien li jiffurmaw parti mill-Kappella storika tal-Mensija u ta’ taħt id-djar qrib tagħha.

    L-Ordni ta’ Konservazzjoni nħarġet ftit jew wisq fl-istess ħin li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Permess għal Żvilupp (DPA) tal-iżvilupp propost bin-numru PA / 04214/19 fil-hamlet tal-Mensija. L-applikazzjoni qajmet tħassib serju mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH), l-Arċidjoċesi ta’ Malta, kif ukoll minn residenti fil-lokalità. Fuq il-midja soċjali, dan l-iżvilupp propost attira ukoll kritika ħarxa mill-pubbliku u mill-NGOs. 

    L-iżvilupp massiv propost wassal għal tħassib serju ukoll mill-kustodji ta’ proprjetajiet storiċi f'dan il-parti storiku ta’ San Ġwann. Dawn il-proprjetajiet jinkludu l-Kappella tal-Mensija li hi unika, mibnija fil-grotta u li tmur lura għas-seklu sittax, kif ukoll it-Torri ta’ Lanzun, wieħed mill-aħħar eżempji ta' fortified farmhouse f'Malta.  It-tnejn huma siti ta’ wirt kulturali ta' Grad 1 li jinsabu xi 50 metru biss il bogħod mill-iżvilupp propost.

    L-oqsma ewlenin ta’ tħassib li tqawmu permezz tal-oġġezzjonijiet jinkludu:

    • L-istabbilità ta’ serje ta' għerien li jinsabu eżatt taħt ir-ridge li fuqu se jestendi l-iżvilupp propost. L-iskavar li hemm ippjanat hu viċin dawn l-għerien jista’ jwassal għal ħsarat strutturali u saħansitra għat-tiġrif (collapse) tal-Kappella tal-Mensija, li għadha tkompli tilqa’ lill-komunità għall-quddies ta’ kuljum, kif ukoll tad-djar privati tal-madwar. B’hekk il-ħajjiet tan-nies se jitqiegħdu f'riskju. Minħabba l-estensjoni tal-għerien tqajjem tħassib ukoll dwar il-possibiltà ta’ ħsara strutturali anki għat-Torri Ta’ Lanzun.

    • Ħsarat fuq l-inklinazzjoni wieqfa tas-sinkhole naturali, waħda mill-ftit li jeżistu f'Malta, imsejjħa ukoll bħala Maqluba. Din tinsab eżatt taħt ix-xifer u tipprovdi abitat naturali għall-flora u l-fawna. Dawk li qed joġġezzjonaw għall-proġett indikaw li hu evidenti li din it-topografija naturali għandha tinżamm biex ma tintilefx għal dejjem.

    • Aktar minn hekk, huma enfasizzaw li l-għoli tal-iżvilupp propost se jkollu, fost fatturi oħra, impatt negattiv bħalma hu d-dell li jinħoloq fuq madwar 30 siġra tal-ħarrub li huma diġà protetti u li għandhom aktar minn 100 sena. Jekk dan il-proġett iseħħ, is-sopravivenza ta’ dawn is-siġar tonqos drastikament, peress li dawn jiddependu minn xemx diretta. Flimkien ma’ veġetazzjoni naturali oħra, dawn is-siġar maturi jservu ta' pulmun importanti għan-nies fil-Mensija.

    • L-impatt viżiv ta’ dan l-iżvilupp propost, li jista' jitqabbel ma’ bini ta’ lukanda kbira f'komunità żgħira - apparti milli se jiddomina b’mod eċċessiv fuq il-bini l-ieħor kollu tal-madwar, se jkun jidher bħala ħaġa kerha li tweġġa’ l-għajn saħansitra anki mill-bogħod. Barra minn hekk, se jinħoloq impatt negattiv fuq id-dehra tat-triq, speċjalment minħabba l-ħajt enormi u oppressiv fuq il-ġenb tiegħu li se jkun qed jogħla ferm ‘il fuq f’din il-hamlet storika, filwaqt li se jidfen lill-Kappella tal-Mensija u lit-Torri ta' Lanzun, li huma siti skedati u protetti fi Grad 1 u li ilhom jeżistu aktar minn 300 sena. B’hekk, se tkun irvinata waħda mill-aħħar hamlets storiċi li għad fadal f'Malta.

    • Fl-aħħarnett ir-residenti, is-sidien u l-kustodji tal-proprjetajiet fiż-żona tennew li mhumiex kontra li s-sit ikun żviluppat, madankollu hu essenzjali u indispensabbli li kwalunkwe żvilupp jieħu konjizzjoni ta’ u jindirizza dan it-tħassib serju. B’hekk, ikun evitat kwalunkwe riskju ta' ħsara għal proprjetajiet fil-qrib - kemm jekk huma storiċi u / jew privati ??- u mingħajr ma jkun injorat ir-riskju potenzjali aktar serju għall-ħajjet in-nies jekk il-pedamenti tal-blat isiru instabbli.

    Bħala riżultat ta’ dan, xi residenti ppreżentaw ukoll Protesti Ġudizzjarji fil-Qrati ta’ Malta wara li fittxew parir tekniku biex jissalvagwardjaw il-proprjetajiet tagħhom u r-riskji assoċjati ma’ dan l-iżvilupp propost.

    Is-smigħ / deċiżjoni ta’ din l-applikazzjoni ta’ żvilupp “ta’ daqs mostruż” fil-Mensija, San Ġwann se jsir fl-Awtorità tal-Ippjanar fil-Floriana nhar it-Tnejn 16 ta’ Diċembru 2019 fin-12.30pm. Ir-residenti tal-Mensija, il-pubbliku, l-NGOs u dawk kollha kkonċernati serjament dwar l-iżvilupp propost li se jirvina u jagħmel ħsara lill-hamlet tal-Mensija huma mħeġġa jattendu għas-smigħ u jappoġġjaw din il-kawża biex flimkien jiżguraw li l-Mensija tkun protetta minn kostruzzjoni rampanti u irresponsabbli li ħakmet lil Malta u lill-Għawdex.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0